Lokali

17,000 każ rappurtat lill-Pulizija; 1,000 marbuta ma’ vjolenza domestika

Kull sena jsiru mas-17,000 rapport lill-Pulizija, b’madwar 1,000 minnhom ikunu marbuta ma’ vjolenza domestika.

Dan joħroġ minn studju mill-Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija, il-Professur Saviour Formosa, kkwotat mid-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi f’ittra lill-media li fiha ħabbar li qed issir ħidma biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-fakultà u l-għaqda non-governattiva Victim Support Malta.

Andrew Azzopardi qal li l-laqgħa kellha l-għan li tesplora l-possibiltà sabiex aktar stakeholders importanti jkunu involuti fil-ħolqien ta’ policies li jkollhom l-għan li jiġġieldu l-kriminalità, liema policies għandhom ikunu bbażati dejjem aktar fuq iċ-ċirkostanzi tas-soċjetà.

Id-Dekan tal-Fakulta tat-Tisħiħ fis-Soċjetà qal li f-fakultà tħoss li l-Gvern għandu jkun kommess li jagħti l-appoġġ neċessarju lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

Andrew Azzopardi appella biex ikun hemm ħidma mill-qrib ma’ NGOs bħall-Victim Support Group bil-għan li jkunu offruti l-aqwa servizzi u protezzjoni liċ-ċittadini.