Lokali Qorti

25 sena ħabs għal Ungeriż li qatel is-sieħba tiegħu

Ungeriż ta’ 60 sena ġie ikkundannat 25 sena ħabs wara li ammetta li b’60 daqqa ta’ imqass qatel lis-sieħba tiegħu f’Malta.

Lazlo Nandor Marton ammetta quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi li qatel lil Yvette Gajda fis-27 ta’ Novembru 2012.
Il-vittma kellha 38 sena u nstabet mejta f’wieħed mill-appartamenti li jinsab fi Triq Efesu, San Pawl il-Baħar. Fl-istess appartament il-Pulizija sabu lill-akkużat.

Mill-investigazzjoni rriżulta li l-vittma kienet tgħix fl-appartament mal-istess Marton, maż-żewġt uliedha u ma’ ħabiba tagħha Annabella Tombor Maria.

Ġara li r-relazzjoni ta’ bejniethom marret għall-agħar u lejliet id-delitt hija, uliedha u l-ħabiba tagħha marru joqgħodu f’appartament fl-istess blokka li fih kien joqgħod Sirjan bl-isem ta’ Ahmad Alakal.

Fil-jum tad-delitt huwa mar fl-appartament tas-Sirjan u qal lill-vittma li ried ikellimha. Hija marret warajh fl-appartament fejn kienu għexu u hemm inqala l-argument li spiċċa fit-traġedja.

Il-vittma mietet fuq il-post kawża tal-feriti li sofriet f’għonqha, rasha, daharha u sidirha.
L-Ungeriż tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati akkużat bil-qtil u kellu jgħaddi ġuri dwar il-każ imma għażel li jammetti.

L-Avukat Ġenerali talab lill-Imħallef Antonio Mizzi jikkundannah għal piena ta’ 25 sena ħabs bit-talba tkun milqugħa mill-istess ġudikant.