Xjenza u Teknoloġija

275 talba minn Maltin lil Google biex ‘jintesew’

Google irċeviet 275 talba minn Maltin biex informazzjoni dwarhom fuq l-internet, u li titla’ minn tiftix fuq is-search engine, titneħħa. B’hekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom ‘li jintesew’.

Minn rapport dwar it-trasparenza, ippubblikat minn Google stess, joħroġ li s’issa rċeviet iktar minn 1,200,000 indirizz fuq l-internet biex dawn jitneħħew, imma l-ġgant tat-teknoloġija fuq l-internet ma żvelax kemm, minn din iċ-ċifra, fil-fatt ġew eliminati. Qal biss li 42% ta’ dawk evalwati, fil-fatt tneħħew.

B’kollox, il-kumpanija rċeviet kważi 350,000 talba biex titneħħa b’mod speċifika informazzjoni li titla’ minn search engines, il-maġġoranza tagħhom minn Franza, il-Ġermanja, mir-Renju Unit, minn Spanja u mill-Italja.

Google tat eżempji ta’ talbiet li rċeviet u li rrifjutat li tħassar il-kontenut fuq l-internet, fosthom mingħand koppja Awstrijaka li kienet akkużata bi frodi u li riedet l-artikli dwarha mneħħija. M’aċċettatx lanqas diversi talbiet minn Taljan li wkoll kien arrestat fuq reati finanzjarji li ried li jitneħħew mill-inqas 20 artiklu dwaru. Irrifjutat li telimina wkoll artikli dwar saċerdot Franċiż li tressaq fuq akkużi ta’ pussess ta’ ritratti li jagħtu x’jifhem li kien involut b’xi mod fl-abbuż sesswali ta’ tfal, u li eventwalment tkeċċa wkoll mill-Knisja.

Eliminat, min-naħa l-oħra, paġni dwar persuna li kien ħa sehem f’konkors meta kien għadu taħt l-età, u artikli dwar għalliem Ġermaniż li kien misjub ħati ta’ reati minuri iktar minn għaxar snin ilu. Laqgħet ukoll, b’mod parzjali, it-talba ta’ tabib Ingliż li ried li jitneħħew mal-50 rapport ta’ ġurnali onlajn dwar intervent mediku li fih kien involut bħala tabib, b’Google tneħħi dawk l-artikli li ma kinux marbuta mal-intervent imma l-bqija ħalliethom onlajn.

Google għandha tim ta’ ħaddiema apposta li jevalwaw it-talbiet li tirċievi u, f’każ ta’ dubji, jikkonsultaw ma’ avukati.