Lokali Parlament

30 Kunsill Lokali b’dejn jew telf akkumulat

Uħud mill-Kunsilli jsostnu li fost ir-raġunijiet hemm li l-allokazzjoni tagħhom mill-Gvern Ċentrali mhix biżżejjed

Sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena jirriżulta li hemm 30 Kunsill Lokali li rrappurtaw li għandhom dejn jew telf akkumulat.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru Owen Bonnici meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista David Agius u Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Mistoqsi jgħid għal liema raġuni l-Kunsilli jattribwixxu d-dejn li għandhom, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li ssemmiet il-PPP tat-toroq li saret fi żmien amministrazzjoni preċedenti filwaqt li kien hemm ukoll Kunsilli li sostnew li l-allokazzjoni tagħhom mill-Gvern Ċentrali mhix biżżejjed, bil-Ministru Bonnici jgħid li l-Gvern żied l-allkazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli matul din il-leġislatura.

Il-Kunsilli Lokali b’dejn jew telf akkumulat huma dawk tal-Belt li sa Ġunju kellu €61,053; l-Imdina €116,125 sal-2014 minħabba li l-bilanċ sa Settembru li għadda mhux maħdum; Ħaż-Żebbuġ €657,958 sal-2014; is-Siġġiewi b’negative working capital ta’ €25,000; ir-Rabat Għawdex b’telf ta’ €8,850 u b’dejn ta’ €875,220; Birkirkara €560,319; Tal-Pietà €29,077 sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda; il-Qala €146,253; San Ġiljan €70,298.21; f’San Lawrenz ma kienx għad hemm ċifra; San Pawl il-baħar €124,181; Santa Luċija €67,152 sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda; ix-Xagħra €62,951;ix-Xewkija b’defiċit ta’ €18,991.62 sa Marzu li għadda; ix-Xgħajra defiċit sas-sena l-oħra ta’ €27,592; Ħad-Dingli €226,513; il-Fgura €58,370; il-Ħamrun €810,000; il-Kalkara telf ta’ €13,339; Ta’ Kerċem €168,235; Ħal Kirkop bi kreditu ta’ €44,885; il-Marsa għandu self ta’ flus li jista’ jiġi kkunsidrat bħal dejn għal 18-il sena għall-bini tal-uffiċċju Amministrattiv ġdid; il-Mosta €587,438; l-Imqabba sas-sena l-oħra kien ta’ €205,793 u għal din is-sena għad m’għandux l-informazzjoni; l-Imsida €187,541.14; in-Nadur €305,539.72 u Raħal Ġdid €174.74.