Lokali

4,000 f’Malta b’waħda mill-40 tip ta’ epilessija

Hu stmat li f’Malta hawn madwar 4,000 persuna li għandhom xi forma jew oħra ta’ waħda mill-40 tip ta’ epilessija.

Personalitajiet kbar fl-istorja, bħal Napuljun, Ġulju Ċesari, Richard Burton, Henry Winkler u anke Susan Boyle, kollha kellhom din il-kundizzjoni.

L-epilessija hi l-iktar kundizzjoni komuni li taffettwa l-moħħ u madwar id-dinja tolqot lil madwar 40 miljun persuna, jew 1% tal-popolazzjoni dinjija.

Il-maġġoranza tal-persuni bl-epilessija spiss jieħdu mediċini anti-epilettiċi bħala parti mill-kura tagħhom, b’70% jiġu kkontrollati.

Matthew Attard, mill-Caritas Malta Epilepsy Association, jirrakkonta kif ħafna drabi jsib ruħu f’salib it-toroq b’ħafna mistoqsijiet dwar din il-kundizzjoni. Jistaqsi lilu nnifsu jekk hux biżżejjed li jieħu l-mediċini u jimxi ma’ dak li jgħidlu l-konsulent, jekk hux biżżejjed li jorqod kemm hemm bżonn kuljum, li ma jixrobx alkoħol u ma jużax sustanzi alluċinoġeniċi. Jistaqsi wkoll jekk hemmx mod kif jista’ jgħin lilu nnifsu, forsi bl-isport.

Jgħid li dawn il-mistoqsijiet jistgħu jiġu mwieġba aħjar minn dawk li jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi fuq bażi regolari minkejja l-epilessija.

Caritas Malta Epilepsy Association se tkun qed torganizza konferenza nazzjonali, bit-tema “Ngħixu ħajja “normali” bl-epilessija, pass wara pass”, li tħares lejn dawn l-aspetti tal-epilessija.

Il-konferenza se tkun fl-okkażjoni tal-20 anniversarju ta’ din l-assoċjazzjoni fi ħdan il-Caritas u se ssir qrib il-Jum Internazzjonali tal-Epilessija li jitfakkar kull 8 ta’ Frar.

Il-konferenza se ssir nhar is-Sibt 13 ta’ Frar u qed tiġi organizzata flimkien mad-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapewtika tal-Università ta’ Malta. Se tinfetaħ mill-President ta’ Malta u se jkollha diversi kelliema distinti, inkluż barranin.

Dawk interessati li jattendu għandhom jimlew il-formula onlajn mis-sit tal-Caritas: http://www.caritasmalta.org/wp-content/uploads/2016/01/Caritas-Malta-Epilepsy-Association-2016-Feb-conf-registration-form-final.pdf