“Inti trid taxi; it-trasport pubbliku mhuwiex taxi” – Joe Mizzi lil anzjan li lmenta dwar it-trasport pubbliku
Madwar 530 resident fl-inħawi ta’ Ta’ Ġiorni qed jilmentaw mal-Gvern għat-tneħħija tar-rotta 110 tat-trasport pubbliku. Ir-rotta kienet tgħaqqad lil Ta’ Ġiorni direttament ma’ Tas-Sliema, iżda bit-tneħħija tagħha, ir-residenti qed ikollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linja.
Ir-residenti ilhom minn Diċembru tas-sena li għaddiet jilmentaw dwar it-tneħħija ta’ din ir-rotta, iżda sa’ aktar minn 6 xhur wara, għadhom qed jiġu injorati – kemm mill-Prim Ministru, mill-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi kif ukoll minn Transport Malta, minkejja li huma nfurmati b’dan l-ilment u minkejja petizzjoni li tinkludi 528 firma.
Il-petizzjoni kienet bdiet tinġabar fi Frar li għadda minn Lino Spiteri, resident f’Ta’ Ġiorni, li ma’ NETnews.com.mt ilmenta dwar il-mod kif il-Gvern qed jinjora t-talba tar-residenti.
“Ir-rotta l-antika tneħħiet bl-iskuża li l-karozzi tal-linja kienu jgħaddu vojta” spjega Lino Spiteri li fisser kif il-karozzi tal-linja kienu jgħaddu kull siegħa fejn xi kultant kienet tittardja saħansitra b’20 minuta.
“In-nies ġieli kienu jaqtgħu qalbhom u jitilqu ‘l hemm. Jekk kienet tgħaddi vojta, dan kien ħtija tal-mismanagement li kien jitlob ameljorament u mhux it-tneħħija tar-rotta,” spjega Lino Spiteri. Minħabba t-tneħħija tar-rotta, il-vjaġġ issa twal minn 20 minuta għal kważi siegħa u nofs peress li r-residenti jridu jaqbdu żewġ karozzi tal-linja jew inkella jimxu mixja twila sakemm jaslu f’bus stop oħra.
Il-Ministeru ta’ Joe Mizzi jiġġustifika t-tneħħija tar-rotta u jattakka lill-individwu li xpruna l-petizzjoni
Intant, f’risposti f’isem il-Ministeru ta’ Joe Mizzi, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Mizzi, Charmaine Craus, iġġustifikat it-tneħħija tar-rotta. Minkejja petizzjoni minn 528 persuna, Craus qalet li t-tneħħija saret wara li l-Ministeru sema’ mit-talbiet tar-residenti.
Apparti minn hekk, Charmaine Craus infexxet f’attakk fuq Lino Spiteri, ir-resident li xpruna l-petizzjoni. Craus qalet li “l-individwu aġixxa b’mod irresponsabbli biex jipprova, bil-metodi kollha possibbli, iġiegħel lil Transport Malta tfassal rotta ddisinjata apposta għalih u għall-mara tiegħu.” Allegat ukoll li r-resident uża kliem dispreġġjattiv fil-konfront tal-customer care ta’ Transport Malta.
Ma’ NETnews.com.mt, Lino Spiteri ddikkjara li meta ltaqa’ mal-Ministru Joe Mizzi, dan qallu: “Inti trid taxi; it-trasport pubbliku mhuwiex taxi.” Dwar dan, Charmaine Craus m’għamlet l-ebda referenza fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tagħna.
//= $special ?>