Lokali

7 snin wara t-traġedja : “Il-Konsegwenzi fuq il-familja huma enormi” -il-mara ta’ Clifford Micallef

Il-konsegwenzi fuq il-familja tal-vittma huma enormi – Shirley, il-mara ta’ Clifford Micallef li 7 snin ilu tilef ħajtu f’inċident bir-rota fi Triq il-Kosta.

Fit-30 ta’ Lulju ta’ seba’ snin ilu, omm tilfet lil binha, tliet itfal tilfu lil missierhom, mara tilfet lil żewġha, il-ħbieb tilfu ħabib u l-Life Cycle tilfet ċiklist. Dakinhar Clifford Micallef li kellu 45 sena miet f’inċident tat-traffiku wara li ntlaqgħet minn karozza fi Triq il-Kosta.

Shirley Micallef, il-mara ta’ Clifford tkellmet ma’ In-Nazzjon seba’ snin wara l-inċident u rrakuntat kif dakinhar marru membri tal-Pulizija d-dar tagħha, raw ir-ritratti tat-tieġ tagħhom u qalulha biex tmur l-isptar Mater Dei għax Clifford kien involut f’inċident. Madanakollu, ftit wara, tgħid li rċiviet telefonata mingħand ħuha u qalilha propju dawn il-kliem “x’biċċa għamlulna, x’biċċa għamlulna! Qatlulna lil Cliff.” Wara din it-telefonata, Shirley marret l-isptar fejn sabet il-ġisem bla ħajja tar-raġel tagħha u ta’ missier uliedha.

Tispjega kif l-ewwel ħaġa li ġieta f’moħħha meta rċiviet l-aħbar huma t-tfal. Tgħid li t-tfal u missierhom kellhom relazzjoni sabiħa ħafna bejnierhom. Filfatt, matul il-ġurnata ta’ qabel miet, it-tfal kienu qed jaraw film flimkien ma’ missierhom u ftit kienu jafu li l-għada se jqumu mingħajr missier.
Dan għamilha iktar diffiċli għaliha biex tagħti l-aħbar lil uliedha. Tgħid li dakinhar ingħaqdu flimkien u tagħthom l-aħbar li missierhom tilef ħajtu filwaqt li ħeġġithom jieħdu din l-aħbar bil-kalma.

clifford (2)

Shirley tispjega wkoll kif it-tliet it-tfal tagħhom kollha għandhom imħabba partikolari lejn iċ-ċikliżmu, speċjalment Max, it-tifel il-kbir li kien imur jitħarreġ ma’ missieru stess. Madanakollu Shirley tammetti li tkun beżana ħafna meta ulieda jgħidulha li se joħorġu bir-rota. Filfatt għamlet żmien toħroġ issur warajhom bil-karozza biex tkun ċerta li ma jiġrilhom xejn u ma titlifhomx bl-istess mod li tilfet lir-raġel tagħha.

Fuq kollox, Shirley tagħmel appell wara dak kollu li għaddiet minnu biex kulħadd isegwi r-regoli tat-triq u jieħu ħsieb li jsuq bil-galbu, aktar u aktar biex ma jiġix ikkonsumat alkaħol la darba l-persuna tkun se ssuq. Tisħaq li għalkemm l-aħbar ta’ mewt hija kerha ħafna, il-konsegwenzi ta’ wara li jolqtu lill-qraba tal-vittma huma “enormi”. Tispjega kif seba’ snin wara hi għadha ġejja u sejra l-Qorti, uliedha trabbew mingħajr missier u li ħajjet il-familja tagħha kellha tinbidel mil-lejl għan-nhar.