Lokali

Adrian Hillman jiċħad l-allegazzjonijiet minn Allied Newspapers

L-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, Adrian Hillman, ċaħad allegazzjonijiet li saru l-ġimgħa li għaddiet minn Allied Newspapers stess. L-allegazzjonijiet kienu jgħidu li Hillmann għamel użu minn fondi tal-kumpanija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-bord tad-diretturi.

Allied Newspapers ressqu ittra ġudizzjarja biex jitolbu lura l-ammont sħiħ ta’ flus li allegatament nefaq Hillman permezz ta’ karti tal-kreditu tal-kumpanija u meta ttrasferixxa f’kontijiet bankarji mingħajr awtorizzazzjoni, ġustifikazzjoni jew dokumentazzjoni.

L-istess kumpanija qed takkuża lil Hillmann li nefaq flus fix-xiri ta’ karozzi b’fondi ta’ Allied Newspapers mingħajr awtorizzazzjoni, kif ukoll li ta żidiet unilaterali u abbużivi lilu nnifsu.

Għal dan, Hillmann irrisponda b’ittra ġudizzjarja oħra fejn fisser dawn l-allegazzjonijiet bħala bla bażi, u ċaħad li għamel nefqiet mhux awtorizzati, għaliex skont hu dawn in-nefqiet kienu reġistrati u approvati mill-awdituri u l-bord, kif ukoll fil-laqgħa ġenerali annwali.

Il-ġimgħa li għaddiet, Hillman fetaħ ukoll każ quddiem it-Tribunal Industrijali, fejn jilmenta li tkeċċa b’mod inġust minn Allied Newspapers wara li ħarġu allegazzjonijiet li ngħata flus miċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, dakinhar sid ta’ Kasco Ltd, biex din il-kumpanija tingħata kuntratti ta’ xogħol mill-Progress Press.

Kemm isem Hillman kif ukoll dak ta’ Schembri dehru fil-Panama Papers – fl-iskandlu ta’ kumpaniji irreġistrati fil-Panama – il-pajjiż spiss użat għall-ħabi tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.