Lokali

Aġġornata: 300 impjegat se jitkeċċew mid-De La Rue

Aġġornata

Il-kumpanija De La Rue ħabbret li se tkun qed tkeċċi l-ħaddiema fuq perjodu ta’ żmien li matulu se jsir ir-ristrutturar. Fl-istqarrija l-kumpanija ma żvelatx kemm se tkun qed tkeċċi ħaddiema, madanakollu, ħaddiema li tkellmu ma’ Netnews qalu li se jkunu tkeċċew bejn it-300 u l-400 ħaddiema, fuq perjodu ta’ sentejn. Dan kien konfermat aktar tard fi stqarrija maħruġa mill-GWU, li fiha, il-Union qalet li skont il-kumpanija se jitkeċċew 300 ħaddiem fuq perjodu ta’ sentejn.

Aktar: Il-GWU tgħid li skont il-kumpanija, se jitkeċċew 300 ħaddiem fuq perjodu ta’ sentejn.

Il-kumpanija, li fost servizz oħra tistampa l-flus, qalet li bħala parti mill-pjan ta’ “ċentru ta’ eċċellenza” f’Malta, bil-mod il-mod se jitwaqqaf is-servizz ta’ stampar tal-flus, bil-kumpanija tgħid li din id-deċiżjoni, sfortunatament, se twassal għal numru ta’ sensji.

Il-kumpanija qalet ukoll li bħalissa qed issir ukoll konsultazzjoni formali ma’ dawk il-ħaddiema li se jkunu affettwati.

Ħaddiema tad-De La Rue li tkellmu ma’ Netnews spjegaw kif irċevew ittra li fiha l-kumpanija spjegat li se jkun qed isir investiment ta’ 15-il miljun dollaru biex l-impjant f’Malta jsir ċentru ta’ eċċellenza.

Fl-ittra qalulhom ukoll li peress li se jitwaqqaf l-istampar tal-flus, se jkollhom jintilfu l-ħaddiema. Dan filwaqt li llum waranofsinhar saret laqgħa għall-impjegati biex tkun spjegata din id-deċiżjoni.

Huma spjegaw li minkejja li hemm pjanijiet biex l-impjant tad-De La Rue f’Malta jsir ċentru ta’ eċċellenza b’investiment ta’ 15-il miljun dollaru, dan ma kellux isir b’mod li se jkollhom jitkeċċew l-impjegati.

Il-PN jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema

L-aħbar li numru ta’ ħaddiema se jispiċċaw bla xogħol qanqlet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li f’stqarrija mix-Shadow Minister Therese Comodini Cachia u l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici ntqal li hemm tħassib serju għall-fatt li numru ta’ ħaddiema se jispiċċaw bla xogħol minkejja li l-istess kumpanija se tkun qed tkabbar l-operat tagħha f’Malta.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-aħbar mhux biss hija waħda inkwetanti, iżda titfa’ piż kbir fuq il-Gvern, biex kif għamel il-Gvern preċedenti, jintervjeni jew jaraw kif jista’ jsalva l-postijiet tax-xogħol.

Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-ħaddiema kollha li se jiġu affettwati, bil-Partit Nazzjonalista jfakkar li wara kull ħaddiem hemm familja. Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li qed jinsisti mal-Gvern biex jassigura li dawk il-ħaddiema li se jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom, jiġu assigurati li jkollhom xogħol ieħor b’kundizzjonijiet ġusti.