Internazzjonali

Aġġornata: 90 persuna jinqatlu waqt dimostrazzjoni fit-Turkija

epa04971527 People cover victims after multiple explosions before a rally in Ankara, Turkey 10 October 2015. Thirty people are killed and 126 injured at a train station in the Turkish capital, Ankara, ahead of a planned peace rally by pro-Kurdish groups, local media reported. EPA/STR

It-Turkija tinsab f’luttu wara li nqatlu mill-inqas 90 persuna f’żewġ splużjonijiet li seħħew dalgħodu fl-inħawi ta’Ankara fejn kienet għaddejja dimostrazzjoni għall-paċi. Madwar 190 persuna spiċċaw midruba fl-isplużjonijiet, bl-ewwel filmati minn Ankara juru xeni ta’ pandemonju u kaos, flimkien ma’ nies minxura fl-art fost għadajjar tad-demm.

L-isplużjonijiet seħħew qrib l-istazzjon tal-ferrovija ċentrali ta’ Ankara, meta n-nies kienu qed jinġabru għal dimostrazzjoni li kellha twassal messaġġ speċifiku għall-paċi u d-demokrazija. Il-Partit HDP favur il-Kurdi kien fost l-entitajiet li attendew għad-dimostrazzjoni organizzata mill-konfederazzjoni tat-trade unions. Dritt wara l-isplużjonijiet sorsi tal-HDP bagħtu messaġġi fuq Twitter fejn irreferew għal numru kbir ta’ mejtin u midruba, fost indikazzjonijiet li xi pulizija kienu attakkaw persuni li kienu qed iġorru l-feruti lil hinn mix-xena tad-diżastru. Rapporti oħra, imbagħad, rreferew għal każi fejn persuni rrabjati f’dik iz-zona ppruvaw jattakkaw il-vetturi tal-pulizija,

Sadanittant, uffiċjali tal-Gvern Tork qalu li l-isplużjonijiet tallum kienu dovuti għal attakk terroristiku, bl-awtoritajiet jinvestigaw rapporti dwar l-involviment ta’ aggressur suwiċida f’wieħed mill-inċidenti.

Il-Prim Ministru tat-Turkija Ahmet Davutoglu u uffiċjali ewlenin oħra qed ikunu aġġornati bl-aħħar żviluppi wara l-attakk. Intant, il-Kap tal-Partit HDP qed jakkuża lill-Istat dwar id-dmija filwaqt li ddeċieda li ħassar id-dimostrazzjonijiet elettorali kollha.

Ix-xahar id-dieħel għandha ssir elezzjoni ġenerali fit-Turkija u diversi sorsi qed jinkwetaw li attakk ieħor bħal tal-lum fil-pajjiż hu imminenti.