Lokali

Aġġornata bil-Filmat: L-ebda progress fil-laqgħa bejn l-Air Malta u l-ALPA

Ma jidher li sar l-ebda progress fil-laqgħa li saret dalgħodu bejn l-Air Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA).

Il-laqgħa, li bdiet fid-9am u ntemmet għall-ħabta tal-11.30am, saret bit-tama li jkomplu d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat ħalli eventwalment jintlaħaq xi tip ta’ kompromess.

Il-laqgħa saret wara li l-linja nazzjonali tal-ajru ppreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni kontra l-ALPA biex tkun tista’ twaqqaf lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti milli tagħmel aktar azzjonijiet industrijali.

Dan meta d-diskorsi dwar ftehim kollettiv ġdid s’issa għadhom ma ħallewx il-frott mixtieq. Il-ftehim kollettiv skada aktar minn sitt xhur ilu.

F’kumment lil NETnews.com.mt, kien evidenti d-diżappunt tal-President tal-ALPA Domenic Azzopardi għall-fatt li baqa’ ma kien hemm l-ebda żvilupp. Hu qal li t-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru qalet li trid aktar żmien biex toħroġ bil-proposti minħabba li l-‘business plan’ jinsab f’idejn il-Gvern.

Azzopardi kompla li lanqas ma ngħataw l-ebda garanziji li mhux se jonqsu l-impjegati jew il-kundizzjonijiet. L-istess dwar il-ftehim kollettiv, bil-President tal-ALPA jgħid li t-tmexxija tal-Air Malta lanqas biss tkellmet dwar dan is-suġġett għax ma trid tgħid xejn.

Domenic Azzopardi jgħid li minn issa ‘l quddiem, l-ALPA se tibqa’ tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti qabel ma tagħżel it-triq tal-azzjonijiet industrijali.