Lokali

Aġġornata bil-Filmat: Żagħżugħ b’feriti gravi wara ġlieda f’Paceville – titkellem l-omm

Aġġornata: Intervista ma’ Omm il-ġuvni li allegatament ġie attakkat minn bouncers f’Paceville

Nicholas Aquilina, żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Marsa, qed ikun rikoverat fl-Isptar Mater Dei wara li sofra feriti gravi f’wiċċu kawża ta’ ġlieda li seħħet kmieni dalgħodu f’Paceville.

Mill-ewwel informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li għall-ħabta tal-4am iż-żagħżugħ kien barra wieħed minn nightclubs ta’ Paceville meta fuq ġewwa seħħet ġlieda, li fiha kienu involuti xi barranin. Il-persuni li kienu qed jiġġieldu spiċċaw barra l-club, fejn kien hemm ukoll numru ta’ bouncers.

Qraba taż-żagħżugħ li tkellmu ma’ NETnews.com.mt sostnew li kienu propju wħud mill-bouncers li allegatament attakkaw liż-żagħżugħ.

Kaġun tal-attakk, Azzopardi sofra feriti gravi f’wiċċu, f’għajnejh u fuq xufftejh, filwaqt li għandu ferita kbira fuq ħaddejh.

Iż-żagħżugħ ittieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei, fejn kien operat għall-feriti li ġarrab. Jirriżulta li l-Pulizija għandha xhud li ra l-inċident u li diġà għadda l-ewwel informazzjoni fl-investigazzjonijiet li qed isiru.

Sadanittant, matul l-għodwa, NETnews.com.mt żar l-Isptar fejn Aquilina qed jingħata l-kura. Hu spjega dak li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Silta minn intervista li se tixxandar illejla waqt Newsfeed