Internazzjonali

AĠĠORNATA : Diversi sparaturi fi stabbiliment kummerċjali u metro fi Munich – disa’ mejta u sittax oħra midruba fl-attakk

Disa’ persuni traġikament tilfu ħajjithom fl-attakk fi Munich.
Filwaqt li sittax-il persuna oħra sfaw midruba b’kawża tal-isparaturi, fejn tlieta minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.

 

Il-qawwiet tas-sigurtà Ġermaniżi fl-Istat tal-Bavarja jinsabu fuq stat ta’ allert assolut wara sparatura li seħħet ilbieraħ filgħaxija għal ħabta tas-6pm f’ċentru kummerċjali ewlieni ta’ Munich – fejn mietu traġikament disa’ persuni f’dan l-attakk terroristiku. Sittax-il persuna oħra ndarbu fl-isparatura, waqt li tlieta minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.

Kif ħarġet l-aħbar, il-qawwiet tas-sigurtà Ġermaniżi għalqu l-aċċessi kollha għall-kumpless. Is-suspettat ewlieni ta’ dan l-attakk terroristiku hu żgħażugħ ta’ 18-il sena ta’ ċittadinanza Ġermaniża-Iranjana u li kien jgħix fi Munich – dan l-istess suspettat ewlieni instab mejjet madwar kilometru l-bogħod mill-Olympia shopping centre fejn kien seħħ l-attakk.

munich shots

Il-Pulizija Ġermiża stqarret li aktarx, is-suspettat ewlieni – wara li ħarab minn fuq il-post – qatel lilu nnifsu ftit il-bogħod, fid-distrett ta’ Moosach.

Filwaqt li rapporti oħrajn semmew ‘sparar f’diversi nħawi ta’ Munich’, s’issa ma hemm l-ebda informazzjoni dwar l-iskop li seta’ xpruna l-attakk, bil-paniku jiddomina qalb in-nies li kienu mwissija biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom waqt li jevitaw il-postijiet pubbliċi.

Permezz ta’ twitter il-Pulizija fi Munich avzat li s-suspettati għadhom maħrubin, waqt li reġgħet appellat sabiex il-pubbliku jeżerċita l-massimu tal-kawtela.

pulizija javzaw

Il-ħelikopters tal-qawwiet tas-sigurtà ttajjru fuq il-kumpless, fost rapporti li għal diversi sigħat, numru ta’ ħaddiema ma setgħux joħorġu mill-istabbilimenti fiż-żona. Fl-istess waqt, il-Pulizija ta’ Munich ħarġu twissijiet lill-pubbliku biex jevitaw l-inħawi.

Is-sistema tat-trasport pubbliku fi Munich spiċċat sospiża fost il-miżuri tas-sigurtà waqt li l-istazzjon tal-ferrovija ċentrali tal-belt għaddiet minn evakwazzjoni. Taqsimiet ta’ qawwiet speċjali qed jieħdu sehem fil-kaċċa għall-aggressuri meta l-Prim Ministru tal-Istat tal-Bavarja, Horst Seehofer, qed ilaqqa’ b’urġenza lill-konsulenti dwar is-sigurtà biex jindirizza l-kriżi.

munich shots 3

L-ewwel sparatura seħħet fis-6:15p.m. fl-istabbiliment The Olympia Einkaufszentrum fi Munich. Stabbiliment li jinsab viċin il-mużew tal-BMW u l-Istadium Olimpiku.  Ir-rapporti inizjali indikaw ‘numru ta’ vittmi’, bil-qawwiet tas-sigurtà Ġermaniżi jagħlqu l-aċċessi kollha għall-kumpless.

Ftit wara, għall-ħabta tas-6:35p.m. seħħet sparatura oħra f’metro fi Munich stess.

Fl-aħħar ħinijiet il-ħelikopters tal-qawwiet tas-sigurtà kienu qed jittajjru madwar il-belt, fost rapporti li numru ta’ ħaddiema ma setgħux joħorġu minn diversi stabbilimenti taż-żona.

L-awtoritajiet Ġermaniżi f’dawn il-jiem żiedu l-miżuri tas-sigurtà wara inċident li seħħ nhar it-Tnejn fejn immigrant ta’ nisel Afgan spiċċa jferi erba’ persuni waqt attakk fuq passiġġieri rekbin fuq ferrovija, fl-inħawi tal-Bavarja. L-aggressur kien spiċċa maqtul mill-pulizija, bl-awtoritajiet Ġermaniżi iwissu dwar il-potenzjal ta’ aktar attakki simili fil-pajjiż.

munich shots 2

MUNICH SHOTS 4

 

munich shot 5 map