Ekonomija Lokali Parlament

Aġġornata : Il-Gvern jirtira miżura dwar il-karozzi klassiċi mill-baġit wara li ġiet kundannata mill-għaqdiet

Il-Gvern illum irtira l-miżura tal-Baġit 2016 li kienet se tolqot lis-sidien tal-karozzi antiki klassifikati bħala Vintage jew Klassiċi għax qal li din ħarġet bi żball.

Skont il-Gvern, li ħareġ stqarrija permezz tal-Ministeru tal-Finanzi, din il-miżura partikolari ttellgħet għal xi ħin bi żvista fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru bħala parti minn working document mhux finali li kien jinkludi proposti li mhumiex parti mid-diskors finali tal-baġit. Il-Gvern qal li dan id-dokument saħanistra laħqu ġew stampati numru ta’ kopji tiegħu imma ġie rtirat ftit wara.

vintage cars

Imma l-istqarrija tal-Gvern ħarġet ftit biss wara li żewġ għaqdiet li jirrappreżentaw lis-sidien ta’ dawn il-vetturi antiki fi stqarrijiet separati kkundannaw b’qawwa din il-miżura li kienet tirristrinġi l-użu tal-vetturi antiki, ċertifikati bħala vetturi klassiċi, matul il-ġimgħa.

Il-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki (FMVA) u l-Malta Motorsport Federation (MMF) it-tnejn kellhom kliem iebes għal din il-miżura li qalu li qatt ma kienet diskussa qabel u se treġġa’ lura l-kisbiet kollha li saru fl-2003 meta kienu introdotti l-ewwel miżuri favur karrozzi klassiċi.

Billi tippermetti l-użu ta’ dawn il-karozzi biss fi tmiem il-ġimgħa m’inti se ssolvi bl-ebda mod l-andament tat-traffiku jew tnaqqas l-emissjonijiet, qalu ż-żewġ għaqdiet. Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni issa se tiggrava fil-weekends.

L-istqarrijiet ikomplu li l-istudji juru li l-użu tal-vetturi klassiċi jammonta biss għal madwar 0.07% tal-kilometraġġ annwali totali kopert mill-vetturi kollha fit-toroq Ewropej. U assolutament mhux minnu li dawn il-vetturi antiki qed jikkontribwixxu b’xi mod għall-problemi tat-traffiku f’Malta. L-għaqdiet ikkundannaw ukoll il-kelma “abbuż” li ntużat mill-Gvern fir-rigward tal-membri tagħhom u qalu li l-abbuż jinsab fil-fatt li l-membri tagħhom qed iħallsu l-liċenzja sħiħa possibbilment biex jużaw il-vettura tagħhom ftit drabi fis-sena.

Għall-kuntrarju, komplew l-għaqdiet, dawn it-tip ta’ vetturi għandhom jintqiesu bħala attrazzjoni nazzjonali u jintużaw fil-promozzjoni tat-turiżmu kif ukoll f’attivitajiet filantropiċi kif qed jiġri diġà.

Fakkru wkoll li l-kontroll tal-vetturi klassiċi hu wieħed qawwi tant li f’xahar wieħed madwar 20 sid għażlu li jiddeklassifikaw il-vetturi tagħhom bħala klassiċi u jirritornawhom għall-użu ġenerali.

Il-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki u l-MMF appellaw lill-gvern biex jirtira din il-miżura qabel tidħol fis-seħħ u l-FMVA qalet li sakemm isir dan, bi protesta, il-membri tagħha fuq il-kumitat ta’ Transport Malta li hu responsabbli mill-klassifikazzjoni ta’ vetturi antiki mhux se jattendu għal-laqgħat ta’ dan il-kumitat. Min-naħa tagħha l-MMF ma eskludietx li tieħu aktar azzjonijiet.
Proprju wara dawn it-twissijiet u appelli, il-Ministeru tal-Finanzi ħareġ l-istqarrija tiegħu u qal li jrid jikkjarifika li hemm diversi miżuri – fosthom din tal-karozzi klassiċi – li ma ġewx aċċettati mill-Gvern u fil-fatt ma ġewx inklużi fid-Diskors tal-Baġit 2016.

Aktar minn hekk, il-Gvern kompla li d-dokument jinkludi anke ċerti miżuri soċjali li għad fadal xogħol tekniku x’isir fuqhom, u li ma ġiex konkluż fil-ħin biex dawn jiġu inklużi fid-diskors tal-baġit.

L-istqarrija tal-Ministeru tal-Finanzi tgħid ukoll li hemm anke deċiżjonijiet amministrattivi – bħalma hi dik dwar l-għoti tal-eks-Café Premier lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – li mhumiex miżuri ta’ baġit, u li l-Gvern se jkun qed jikkonferma fil-jiem li ġejjin.

Dwar il-miżura tal-karozzi antiki, ftit wara l-u-turn tal-Gvern, waħda miż-żewġ għaqdiet li kienu kkundannaw il-miżura ħarġet stqarrija oħra u qalet li l-Gvern ikkomunika magħha u spjegalha li din il-miżura partikolari ma kinitx fid-Diskors tal-Baġit imma kienet biss fid-Dokument tal-Baġit u għalhekk mhux se tiġi implimentata, waqt li tħassret ukoll mid-dokument.

Fid-dawl ta’ dan, l-FMVA rtirat it-theddida li membri tagħha ma jattendux għal-laqgħat tal-Vintage Vehicle Classification Committee fi ħdan Transport Malta.