Lokali

Aġġornata : Il-Kasco jheddidna bil-Qorti – “Għada filgħodu nibagħtulek ċekk Kastilja – mhux se nibżgħu minnek” – Simon Busuttil

Aġġornata : Fl-ewwel opportunita’ biex iwieġeb dwar dan, f’intervista fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb lil Keith Schembri u qal hekk: “għada filgħodu nibagħtulek ċekk Kastilja – mhux se nibżgħu minnek”.

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li Keith Schembri ilu jgħid tliet snin li meta sar Chief of Staff neħħa kwalunkwe kontroll minn negozju tiegħu. Sostna li din gidba u rrefera għall-istorja li żvelat il-gazzetta il-mument, dik li Keith Schembri hedded il-PN bil-Qorti.

Il-Kap tal-PN ddeskriva l-istorja tal-mument bħala storja li twaħħxek, li turik li Keith Schembri gideb meta qal li neħħa l-kontroll tan-negozju.

EBDA RIKATT MHU SE JŻOMMNA MILLI NKOMPLU NIKXFU L-VERITÀ

Il-Gazzetta il-mument illum żvelat li nhar it-Tnejn li għadda, il-kumpanija ta’ Keith Schembri, KASCO, bagħtet ittra ta’ theddida lill-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, li se tkun qed tipproċedi fil-Qorti jekk ma titħallasx is-somma ta’ €121,000 li hi dovuta. Din is-somma tinkludi kemm il-valur tal-karta mixtrija mill-kumpanija tal-medja tal-Partit Nazzjonalista qabel Settembru 2013, kif ukoll l-imgħax fuq din is-somma. Din kienet l-ewwel darba li l-kumpanija ta’ Keith Schembri bagħtet ittra legali biex tieħu dawn il-flus.

Dan huwa rikatt ċar mill-kumpanija ta’ Keith Schembri, biex f’każ li l-kumpanija tal-midja ma tħallasx dak dovut lilha, tagħmel mandat fil-Qorti biex tiffriża l-assi tal-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista. Dan kollu sar fil-ġimgħa li fil-Parlament ġiet diskussa mozzjoni ta’ ċensura fil-konfront ta’ Keith Schembri li mbagħad inbidlet għal mozzjoni ta’ ċensura fil-Prim Ministru tal-fiduċja li għandu f’Keith Schembri.

F’kummenti ma’ il-mument, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet li dan it-tip ta’ aġir mhu aċċettabbli f’ebda demokrazija, fejn ikollok iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jhedded u jirrikatta lill-kumpaniji tal-medja u lill-Oppożizzjoni b’dan il-mod. Hi sostniet li dak li ġara din il-ġimgħa jikkonferma l-kunflitt ta’ interess li għandu Keith Schembri bħala Chief of Staff, għaliex filwaqt li hu Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għandu l-kumpanija tiegħu tirrikatta u thedded lil kumpaniji oħra fuq livell kummerċjali.

L-inċident ta’ din il-ġimgħa jikkonferma wkoll li Keith Schembri mhux veru m’għadux involut fin-negozju tiegħu, għaliex mhuwiex kumbinazzjoni li t-theddida lilna u lit-Times saret f’temp ta’ jumejn u fl-istess ġimgħa li fil-Parlament kien hemm il-mozzjoni ta’ ċensura kontrieh.

Barra minn hekk, din il-ġimgħa, għall-mistoqsija li saret lill-Prim Ministru mill-ġurnalist ta’ din il-kumpanija Dione Borg dwar kif u minn fejn kienu ġejjin il-€50,000 fix-xahar li Keith Schembri ried ipoġġi fil-kont bankarju sigriet, il-Prim Ministru kompla bit-theddid ta’ Keith Schembri u wieġeb li dawn il-flus setgħu kellhom jiġu minn dak li kellhom jagħtu l-kumpanija tal-medja tal-Partit Nazzjonalista.

Dan it-tip ta’ diskors jikkonferma numru ta’ affarijiet, fost l-oħrajn kemm din hija parti minn strateġija ta’ theddid u rikatt li mhux biss tinsab fil-livell ta’ Keith Schembri, iżda hemm imdaħħal fiha direttament il-Prim Ministru.

Il-kummenti tal-Prim Ministru jikkontradixxu wkoll il-fatt li l-kont bankarju li ried li jiftaħ Keith Schembri huwa marbut mal-kumpanija sigrieta fil-Panama Tillgate Inc. li hi ta’ Keith Schembri fuq livell personali, u mhux tal-kumpanija KASCO.

“Huwa tassew aġir perikoluż dak li qed jipprova jagħmel iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-konfront ta’ kull min, f’dan il-pajjiż, irid politika onesta u qed jaħdem biex f’pajjiżna, l-politiċi jerġgħu jibdew jaġixxu fl-interess tal-poplu kollu, u mhux fl-interess tal-ftit,” qalet Rosette Thake.

Hi sostniet li malli l-kumpanija tal-medja tal-Partit Nazzjonalista rċeviet l-ittra ta’ theddida mill-kumpanija ta’ Keith Schembri, ttieħdet id-deċiżjoni biex is-somma dovuta titħallas minnufih, u dan biex ikun assigurat li ħadd u xejn ma jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista, permezz tal-medja tiegħu, li jkompli jitkellem il-verità, b’mod speċjali dwar l-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri.

ittra kasco