Lokali

AĠĠORNATA: Il-missier Malti ta’ żewġt ibniet maħtuf fi Tripli kien ġej Malta għall-Festi

Pierre Baldacchino, Malti ta’ 36 sena, inħataf ilbieraħ għall-ħabta tal-5pm fil-kapitali Libjana Tripli.

Baldacchino, missier ta’ żewġt ibniet ta’ età żgħira u Manager fl-Isptar St James ta’ Tripli, inħataf waqt li kien fi triqtu mix-xogħol.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li meta seħħ il-ħtif, il-Malti kien ma’ żewġ Pakistani f’karozza. Madankollu, iż-żewġ Pakistani nħelsu, bil-Malti jibqa’ l-uniku wieħed maħtuf.

L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li Baldacchino kien Malta x-xahar li għadda u kien mistenni jerġa’ jżur pajjiżna fil-jiem li ġejjin għall-Festi tal-Milied.

Hu mifhum li għaddejja ħidma biex isir magħruf eżatt min ħatfu u fejn jinsab miżmum.

Baldacchino hu t-tieni Malti li ġie maħtuf fil-Libja fi żmien xahrejn. Il-Malti l-ieħor kien Noel Sciberras, Direttur ta’ kumpanija privata, li nħataf minn grupp f’Tajoura. Sciberras kien dam 47 jum maħtuf.