Lokali

Aġġornata : Il-PBS ipinġi r-reshuffle ta’ Muscat bħala logħba karti

L-aħbar tar-reshuffle ‘farsa’ li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat waslet ukoll biex ħolqot paniku fix-Xandir tal-Istat. Dan għaliex il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ TVM, immexxija minn Reno Bugeja, ilbieraħ filgħaxija spjegat ir-reshuffle permezz ta’ grafika b’karti tal-logħob, jiġifieri b’logħob tal-azzard.

Din ma niżlet xejn tajjeb f’Kastilja, b’Uffiċjali qrib il-Prim Ministru Muscat għamlu kuntatt mal-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja biex juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom għal dak li sar fl-Aħbarijiet. Dawn it-telefonati ħolqu paniku fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Istazzjon tal-Istat.

Dan l-indħil minn Kastilja, ikkordinat mill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, sar xi ħaġa ta’ kuljum taħt it-tmexxija ta’ Reno Bugeja, filwaqt li laħaq livelli ġodda fl-aħħar xaharejn, kemm ilu jiddomina l-Iskandlu tal-Panama.

Ir-reshuffle ‘farsa’ li għamel ilbieraħ Muscat, wara aktar minn xaharejn minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama, wassal għal kritika ta’ ħafna, saħansitra l-ġurnali lokali u d-diversi opinjonisti indipendenti.

Fi dritt ta’ risposta, il-Public Broadcasting Services qalet hekk :

Dan is-servizz huwa inveritier għall-aħħar. Il-PBS tiddikjara li hija ma taċċetta indħil mingħand ħadd, ikun min ikun. Hija gidba sfaċċata li xi ħadd minn Kastilja għamel kuntatt mal-PBS fuq din l-istorja. Ninfurmak ukoll illi l-grafika li NET News dehrlu li għandu jikkumenta dwarha, baqgħet tidher fl-aħbarijiet tal-istazzjon u għadha tidher fuq is-sit tvm.com.mt. Din ma kienitx l-ewwel darba li l-istazzjon uża dan it-tip ta’ grafika meta kien hemm tibdil ieħor fil-kabinett. Din hija prattika li tintuża minn stazzjonijiet serji barranin f’ċirkustanzi simili. L-artiklu in kwistjoni huwa biss riżultat tal-immaġinazzjoni fertili tal-PN li f’dawn l-aħħar xhur qed jieħu kull okkażjoni possibbli biex jattakka il-kredibilita’ tal-PBS u dan
mingħajr ebda bażi, partikolarment fi żmien meta l-istħarrig pubbliku qed juri li l-kredibbilita’ tal-aħbarijiet tal-PBS qegħdha dejjem tiżdied.

ahbarijiet karti loghob