Lokali

Aġġornata: Imut Mons Ġużeppi Mercieca
• L-Aħħar Tislima għall-Erbgħa
• Tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali

Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca. L-aħbar ingħatat mill-Arċisqof Charles Scicluna fuq Twitter. Mons Mercieca miet għall-ħabta tas-7.20am u se jingħata l-Aħħar Tislima l-Erbgħa waranofsinhar fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Mons Mercieca kellu 87 sena u mexxa l-Knisja Maltija għal 30 sena mill-1976. Fl-2006 inħatar minfloku l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona.

F’isem il-Knisja f’Għawdex l-Isqof Mario Grech sellem lil Mons. Ġużeppi Merċieca u appella lill-Knisja f’Għawdex biex toffri talb “b’suffraggju ta’ dan l-iben distint tagħha.”

Reazzjoni ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil illi fisser lil Marcieca bħala persuna li mexxa b’kuraġġ lill-Knisja f’mumenti diffiċli. Hu qal li din hija aħbar ta’ dieqa għal pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li l-Arċisqof Emeritus ta kontribut kbir tul is-snin, filwaqt li tislima oħra waslet mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Mercieca, illi twieled ir-Rabat Għawdex fl-1928, kien ikkonsagrat Isqof fl-1974.

Matul dawn l-aħħar xhur huwa kien qed jgħix ma’ familja fiż-Żejtun. Hu kien ilu diversi ġimgħat ma jidher fil-pubbliku minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu.

L-Aħħar Tislima għal nhar l-Erbgħa
Il-korteo bil-katavru ta’ Mons Ġużeppi Mercieca jitlaq illum mir-residenza privata tal-Arċisqof Emeritus fiż-Żejtun għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt.

Hemm, hu jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sat-8pm. Fil-5pm, se ssir Velja ta’ Talb, li se titmexxa mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna.

Għada, Mons. Mercieca jkun espost għall-qima tal-pubbliku fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann bejn id-9am u t-8pm, filwaqt li fis-6.30pm issir it-Talba tal-Għasar immexxija mill-Arċisqof.

L-Erbgħa, il-poplu jista’ jagħti l-aħħar tislima lill-Arċisqof Emeritus bejn id-9am u 12pm fil-Kon-Katidral qabel ma fl-4pm tibda l-Quddiesa tal-Funeral, immexxija minn Mons Scicluna.

Fi tmiem il-Quddiesa, il-korteo funebri jitlaq bil-mixi mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għal Triq ir-Repubblika sa Bieb il-Belt minfejn il-Funeral ikompli f’forma privata sal-Katidral tal-Imdina, fejn issir id-difna.

Tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali
Fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li b’rispett lejn il-memorja tal-Arċisqof Emeritus Mons Ġużeppi Mercieca, se jinżamm luttu nazzjonali għal dawn it-tlett ijiem, li matulhom il-bnadar fuq bini pubbliku se jkunu qed jittajru mezz’asta.