Lokali

Aġġornata : Indħil mill-ministeri biex jinqabżu pazjenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa – L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM)

Ritratt : Arkivji

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ilmentat minn sitwazzjoni fiċ-Ċentri tas-Saħħa li fiha uffiċjali mill-ministeri qed jindaħlu biex pazjenti bla appuntament jibqabżu u jkunu kkurati qabel pazjenti oħra. Fi stqarrija l-membri tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) appoġġjat il-pożizzjoni tal-azzjonijiet industrijal tal-Kunsill tal-union li qed jinsistu fuq numru ta’ bidliet amministrattivi fiċ-Ċentri tas-Saħħa li għandhom l-iskop li jtejbu l-kwalità tas-servizz u jipprovdu sigurta’ adegwata għall-ħaddiema.

Fl-istqarrija l-MAM qalet li ż-żieda fin-numru ta’ tobba u bidliet amministrattivi kienet milqugħa b’mod pożittiv, iżda l-MAM tikkundanna bla riservi l-indħil ta’ ċertu persuni mis-segeretarjati ministerjali fit-tmexxija ta’ kuljum taċ-Ċentri tas-Saħħa kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett. Dan l-indħil qed ikun fis-sens li dawn l-uffiċjali ministerjali jinsistu li pazjenti bla appuntament jaraw tabib jew jingħataw assistenza qabel ħaddieħor. Dan jikser id-diversi ftehim u protokolli li jeżistu u jiksru r-regoli eżistenti.

Il-union qalet li dan mhux ġust fuq il-pazjenti li jkollhom każi ta’ emerġenza li jridu jiffaċċjaw il-kjuwiet ta’ kuljum u qed joħloq kaos fid-diversi ċentri tas-saħħa u li qed iwasslu għal problemi ta’ sigurtà.

Għal dawn ir-raġunijiet il-union iddeċidiet li ma tirtirax l-azzjonijiet industrijali u awtorizzat lill-Kunsill tal-MAM biex joħroġ direttivi industrijali mill-20 ta’ Ġunju 2016.

Il-membri tal-union qed jittamaw li dan il-perjodu jintuża mit-tmexxija taċ-Ċentri tas-Saħħa biex is-sitwazzjoni tkun indirizzata.
Is-servizz tas-saħħa qatt m’għandu jiġi politiċizzat – PN

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi fit-tilwima bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern dwar is-settur tal-kura primarja, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista permezz tax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, ddeplora l-indħil li, kif allegat, qed jiġi mis-Segretarjati tal-Ministeri, u f’ċerti każi, direttament minn Kastilja. Din il-prassi sfortunatament infirxet sew fis-servizzi tas-saħħa, mhux biss fil-kura primarja, iżda wkoll fl-Isptar Mater Dei, l-aktar fid-Dipartiment tal-Emerġenza u tal-Out Patients.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex ikomplu d-diskussjonijiet biex tiġi evitata azzjoni industrijali, iżda jisħaq biex l-indħil mis-Segretarjati tal-Ministri għandu jieqaf immedjatament. Bla dubju, l-aqwa servizz fis-settur tas-saħħa ma jiġix determinat minn uffiċjali fis-Segretarjati tal-Ministri, iżda mill-professjonisti li ta’ kuljum, tant jaħdmu b’dedikazzjoni u professjonalità.