Lokali Saħħa

Aġġornata bil-filmat: L-ewwel Malti milqut miz-Zika

Żagħżugħ ta’ 32 sena hu l-ewwel Malti nfettat mill-virus taz-Zika, waqt li kien fuq vaganza fil-Gżejjer Paċifiċi, preċiżament fis-Samoa Amerikana.

Mill-wasla tiegħu f’Malta, fit-3 ta’ Frar abbord titjira minn Dubai, hu qed jinżamm iżolat fid-dar tiegħu. Jirriżulta li hu kellu d-deni fid-29 ta’ jannar imma sa llum dan niżillu.

Dan tħabbar ftit tal-mumenti ilu mis-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet li għaddejja bħalissa fil-Ministeru tas-Saħħa.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kellha tkun indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Fearne minħabba li bħalissa, il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi jinsab imsiefer mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Dubaj.

Ftit jiem ilu, preċiżament fl-4 ta’ Frar, il-Gvern ħabbar li r-riskju li l-virus jasal f’malta kien minimu, ftit jiem wara li sar magħruf li l-virus jiġi trażmess sesswalment u wara li kien dikjarat bħala emerġenza globali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Iktar dwar il-virus Zika: Il-virus taz-Zika għandu potenzjal li jiżviluppa f’pandemija

Biex isir taf aktar dwar is-sintomi tal-virus Zika u x’għandek tagħmel biex tevita l-virus billi tagħfas hawnhekk.