Lokali

Aġġornata: L-Oppożizzjoni tistenna li l-Prim Ministru jirtira n-nomina taż-żewġ Maġistrati

L-Oppożizzjoni tistenna, li ladarba ż-żewġ nomini tal-Gvern mhumiex konformi mal-Kostituzzjoni għalissa, il-Prim Ministru jirrispetta l-liġi u jirtirahom minnufih.

L-Oppożizzjoni qalet dan fi stqarrija b’reazzjoni għal stqarrija tal-President ta’ Malta, li fiha l-Oppożizzjoni laqgħet b’sodisfazzjon il-konferma mill-President ta’ Malta li l-ħatriet ġodda fil-ġudikatura ma jistgħux isiru jekk mhux skont il-provedimenti tal-Kostituzzjoni.

L-Oppożizzjoni fakkret li l-ebda minn dawn in-nomini mhi valida f’dan l-istadju: fil-każ ta’ Ingrid Zammit Young, għaliex hi prekluża mill-Kostituzzjoni, filwaqt li fil-każ ta’ Caroline Farrugia Frendo, għaliex sal-lum għad m’għandiex l-esperjenza ta’ 7 snin avukatura kif titlob il-Kostituzzjoni, u baqa’ sa Marzu biex tagħlaq is-7 snin.

Aktar kmieni : Il-President mhux se tkompli bil-proċess taż-żewġ Maġistrati – Simon Busuttil wara l-laqgħa ma’ Coleiro Preca

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca mhux se tkompli bil-proċess biex żewġ Avukati nominati mill-Gvern jinħatru bħala Maġistrati. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi stqarrija wara laqgħa li kellu mal-President. Il-laqgħa bejniethom saret wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb ittra lill-President Coleiro Preca dwar in-nomini taż-żewġ Avukati għall-ħatra ta’ Maġistrati.

Fl-istqarrija ppublikata wara l-laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien id-dmir tiegħu li jikteb lill-President biex jitlobha tara u tivverifika jekk ġewx sodisfatti r-rekwiżiti tal-Kostituzzjoni fl-eliġibbiltà ta’ Ingrid Zammit Young u Caroline Farrugia Frendo.

Matul il-laqgħa, Simon Busuttil spjega li n-nomina tal-Avukat Zammit Young hi invalida għax tmur kontra dak li tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan hekk kif Ingrid Zammit Young hi Chairperson tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi u għahekk il-Kostituzzjoni tgħid li persuna ma tistax tkun eliġibbli għal kariga pubblika qabel tliet snin minn meta tkun ħalliet il-kariga li kienet tokkupa.

In-nomina l-oħra għal Maġistrat kienet dik tal-Avukat Caroline Farrugia Frendo, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li l-Artiklu 100 tal-Kostituzzjoni jistipola li l-ebda persuna ma tkun tikkwalifika għall-kariga ta’ Maġistrat jekk ma tkunx eżerċitat bħala Avukat għall-perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ snin. Madankollu, fil-każ ta’ Farrugia Frendo, dan il-punt ma ġiex rispettat u għalhekk in-nomina tagħha wkoll hi invalida.

Simon Busuttil temm l-istqarrija jgħid li l-President ta’ Malta assiguratu li mhux se tkompli bil-proċess biex iż-żewġ Avukati nominati jinħatru bħala Maġistrati.

kap tweet magistrati