Mara ta’ 33 sena mis-Swieqi, instabet mejta f’maħżen li ma jintużax fi Triq il-Kummerċ fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Is-sejba saret tard ilbieraħ filgħaxija. Ġie identifikat illi l-vittma, Eleanor Mangion Walker, hi wkoll omm ta’ tifla ta’ 9 snin.
Il-Pulizija qalu li l-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tad-9:30pm, rċevew informazzjoni li f’maħżen f’Ħal Qormi, x’aktarx li hemm persuna mejta f’din iż-żona industrijali qrib il-kwartieri ġenerali tal-HSBC.
Il-Pulizija mir-Rapid Interverntion Unit, flimkien ma’ dawk tat-Traffiku u tad-Distrett, marru fuq il-post fejn bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew jinfetħu l-imħażen li hemm f’din it-triq. F’wieħed minn dawn l-imħażen, li ma jintużax, instab il-ġisem bla ħajja ta’ persuna li iżjed tard ġiet identifikata bħala Eleanor Mangion Walker mis-Swieqi.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru jirriżulta li l-każ hu x’aktarx omiċidju. Fil-fatt, irriżultaw diversi daqqiet f’ras il-vittma. Fl-istess waqt, il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija għall-eks raġel tal-vittma, Andrew Mangion ta’ 40 sena.
Fuq Facebook, is-sieħeb ta’ Eleanor Mangion Walker stqarr li jinsab bla kliem għal dak li ġara:
Dan huwa t-tielet omiċidju għas-sena 2016.
//= $special ?>