Internazzjonali

Aġġornata: Jitilgħu għal għaxra l-mejtin f’ħabta bejn żewġ ferroviji fil-Ġermanja

Ħabta kerha li seħħet kmieni dalgħodu bejn żewġ ferroviji fil-Bavarja ħalliet mill-anqas għaxar persuni mejtin skont l-aħħar rapporti mis-sit tat-traġedja

L-inċident seħħ qrib Bad Aibling, madwar 40 mil ‘il barra minn Munich.

Rapporti qed jgħidu li minbarra l-vittmi, l-inċident ħalla ‘il fuq minn 100 feruti, li wħud jinsabu f’kundizzjoni kritika.

Membri tas-salvataġġ fl-aħħar sigħat stinkaw biex jirkupraw in-nies li nqabdu taħt it-tifrik tal-ferrovija.

Għadu mhux magħruf jekk kienx hemm xi Maltin fuq waħda mill-ferroviji involuti fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tas-7am.

Mifhum li ż-żewġ ferroviji daħlu f’xulxin huma u għaddejjin fuq rotta unika, bejn Rosenheim u Holzkirchen u viċin ix-Xmara Mangfall – b’numru ta’ vaguni jaqbżu l-linji tagħhom.

Ix-xufiera taż-żewġ ferroviji huma fost in-nies li tilfu ħajjithom u l-Pulizija jemmnu li l-ferroviji kienu baqgħu deħlin direttament ġo xulxin ‘b’veloċità mhux daqstant qawwija’.

Numru ta’ helicopters u dgħajjes għenu fl-evakwazzjoni tal-midruba. Dan, waqt li mijiet ta’ membri tas-servizzi għall-emerġenza, inklużi skwadri mill-Awstrija, taw appoġġ lill-isforzi tas-salvataġġ.

Il-kaġun tal-ħabta għadu mhux magħruf.