Lokali Qorti

Akkużat li kkorrompa lil bintu ta’ 8 snin li għandha l-kundizzjoni Down Syndrome

Raġel ta’ 47 sena, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, qed jinżamm taħt arrest sakemm tinstema’ x-xhieda fil-każ fejn qed jiġi akkużat li ipparteċipa f’attivitajiet sesswali u kkorrompa lil bintu ta’ 8 snin u li tbati mill-kundizzjoni Down Syndrome.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, il-Qorti semgħet kif il-Pulizija ingħataw referral mill-Aġenzija Appoġġ fis-26 ta’ April li għadda dwar każ ta’ abbuż ta’ tifla. L-investigazzjonijiet bdew wara li sar rapport mill-iskola tat-tifla.

Il-Pulizija qalu li kien hemm suspett raġjonevoli li s-sieħeb ta’ omm it-tifla seta’ wettaq dawn l-atti għaliex it-tifla kienet qed tirrapporta li l-abbuż kien qed isir minn missierha u li kien qed isir fid-dar frjn jgħixu. Il-Pulizija tkellet mat-tifla fil-preżenza ta’ uffiċċjali tal-Appoġġ u ta’ ommha.

Hawnhekk, id-difiża irrilevat li għandha informazzjoni li t-tifla kienet imwiegħda rigali jekk titkellem dwar ċertu affarijiet u li ssemmi l-isem tal-akkużat.

L-Akkużat, li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest minħabba possibilita’ ta’ intralċ tal-provi u li jista’ jinfluwenza ix-xhieda. Iżda l-Qorti ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sabiex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa dwar kif se jinżamm l-akkużat minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu. Dan wara li d-difiża talbet li l-akkużat jinżamm arrestat fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Id-difiża talbet ukoll sabiex tinbidel il-learning support assistant li għandha bħalissa it-tifla. Il-Qorti laqgħet din it-talba u ordnat li kopja tal-verbal jintbagħat lid-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-Kap tal-Iskola fejn tattendi t-tifla.

Ir-raġel hu assistit mill-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha