Lokali Saħħa

Akkużi serji ta’ indħil politiku

Tobba li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa qed jallegaw illi individwi li jaħdmu f’Ministeri qedgħin kontinwament jindaħlu fix-xogħol tagħhom. Skont sorsi kwotati illum minn The Malta Independent, dan hu indħil politiku sfaċċat minn persuni li jridu ċertu pazjenti jitqabbżu l-lista ta’ stennija.

L-istess gazzetta tgħid illi nies f’Ministeri qed jagħmlu pressjoni fuq it-tobba biex pazjenti mingħajr appuntament jitqabbżu l-waiting list, b’detriment għal pazjenti oħrajn li jibqgħux jistennew. Dan il-pazjenti jinqażu b’sempliċi telefonata mill-Ministeri.

“It-tobba qed iħossu li l-pressjoni fl-aħħar sentejn żdiedet, u l-indħil politiku qed jaffetwa l-ħidma fiċ-Ċentri tas-Saħħa”, sostnew is-sorsi li tkellmu mal-Malta Independent.

Fl-aħħar jiem il-MAM kienet diġa’ ikkundannat dan l-indħil politiku. L-Assoċjazzjoni tat-Tobba temmen li dan l-atteġjament mhuwiex ġust fuq pazjenti oħra li jinqabżu, u li jispiċċaw jiffaċjaw dewmien fil-proċeduri. Apparti minn dan, qed jinħolqu problemi bla bżonn ta’ iffullar.