Lokali

Aktar kumplikazzjonijiet fil-każ ta’ Gaffarena

Il-każ tal-iskandlu Gaffarena jkompli jikkumplika ruħu. F’artiklu ppubblikat mill-gazzetta The Malta Independent intqal li numru ta’ esperti legali innutaw li l-Prim Ministru Joseph Muscat eskluda lilu nnifsu milli jitressaq bħala xhud biex jiddefendi lill-Gaffarena.

Skont l-esperti legali, peress li d-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ direttament taħt ir-responsabbilta tal-Prim Ministru, Muscat, aktarx kien se jissejjaħ mill-Qorti biex jiddefendi lil Gaffarena u l-mod kif id-Dipartiment tal-Lands, li jaqa’ taħtu, wettaq id-deal ma’ Gaffarena.

Iżda billi Muscat fetaħ kawża kontra Gaffarena f’ismu personali u f’ismu bhala Membru Parlamentari, skont l-esperti legali, aktarx, li ffranka lilu nnifsu milli jidher biex jiddefendi lil Gaffarena.

Dan kollu fl-istess waqt li hafna esperti legali urew tħassib ghal din il-kawża li fetaħ il-Prim Ministru kontra d-Dipartiment tal-Artijiet – każ li effettivament ifisser li l-Prim Ministru fetaħ każ kontrieh stess – peress li l-Lands jaqa’ taħtu.

Għadu mhux ċar jekk l-Avukat Ġenerali – li s-soltu jiddefendi lill-Gvern f’xi kawża l-Qorti – huwiex se jiddefendi lill-Prim Ministru Joseph Muscat – jew lid-Dipartiment tal-Artijiet – awtorita’ tal-Gvern li taqa’ taħt il-Prim Ministru.

Intant, dwar dawn l-iżviluppi, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ma jridx ikollu x’jaqsam ma din il-farsa – speċjalment għall-fatt li din hija l-ewwel darba li Prim Ministru qatt fetaħ kawża kontrih innifsu.