Internazzjonali

Aktar mejtin u feruti waqt mewġa ta’ vjolenza f’Ġerusalemm

Inqatlu mill-inqas tliet Iżraeljani u ħafna oħrajn indarbu waqt attakki ġodda li laqtu l-inħawi ta’ Ġerusalemm u ċ-ċentru ta’ Iżrael.

Żewġ persuni tilfu ħajjithom u ‘l fuq minn 20 indarbu wara li żewġ aggressuri li l-pulizija identifikaw bħala ‘Għarab’, fetħu n-nar fuq xarabank li nzerta fid-distrett ta’ Armon Hanatziv, f’Ġerusalemm.

Wara l-isparatura, l-aggressuri telgħu fuq ix-xarabank u attakkaw numru ta’ persuni bis-skieken sakemm gwardjan tas-sigurtà fl-inħawi rnexxielu jferi aggressur minnhom b’tir ta’ arma. It-tieni aggressur, imbagħad, sakkar il-bibien tax-xarabank biex ma jħallix il-pulizija jidħlu, iżda l-qawwiet tas-sigurtà fetħu n-nar minn barra u laqtuh.

Skont il-pulizija, wieħed mill-aggressuri tilef ħajtu ftit wara, u l-kollega tiegħu ġarrab feriti serji.

F’inċident separat, li seħħ fid-distrett ta’ Geula, lejn il-Punent ta’ Ġerusalemm, Iżraeljan ieħor spiċċa maqtul wara li ntlaqat minn vettura u qala’ daqqiet ta’ sikkina mingħand is-sid ta’ dik il-karozza. L-aggressur, f’dan il-każ, saq għal fuq in-nies li kienu quddiem venda għall-karozzi tal-linja qabel ħareġ u attakka b’sikkina lil kull min sab quddiemu. Hawnhekk intervjenew il-pulizija li sparaw għall-aggressur li spiċċa midrub. Il-kundizzjoni tiegħu baqgħet mhix magħrufa.

Kelliema għall-Pulizija identifikaw lit-tliet aggressuri bħala residenti Għarab ta’ Jabal Mukaber, li hu distrett f’Ġerusalemm tal-Lvant.

Kważi kuljum, f’dawn l-aħħar ħmistax, seħħew diversi inċidenti ta’ dan it-tip, u li fihom għexieren ta’ Iżraeljani nqatlu jew sfaw feruti fost l-attakki kontinwi minn Palestinjani armati. Mill-banda l-oħra, numru ta’ aggressuri u mill-inqas 17-il Palestinjan ieħor ukoll tilfu ħajjithom f’din l-ispinta ta’ vjolenza.