Lokali Unjoni Ewropea

Aktar MEPs jitkellmu: “Leo Brincat mhux tajjeb għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri”

Għadha qed tiddomina l-kritika mill-Membri Parlamentari Ewropej dwar il-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat se jibqa’ għaddej bin-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Riċentament, l-MEP Petri Sarvamaa qal li Leo Brincat mhuwiex tajjeb għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Hu għadda dan il-kumment bħala kelliem tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat dwar il-Kontroll tal-Baġit.

Fil-kummenti tiegħu, Petri Sarvamaa qal li hu ta’ dispjaċir li r-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri, fil-kumitat COREPER, approvaw in-nomina ta’ Leo Brincat – minkejja li l-Parlament Ewropew ivvota b’qawwa kontra n-nomina tiegħu.

Il-kumitat COREPER jiġbor flimkien ir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri, f’laqgħat li normalment isiru bi tħejjijja għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew – jiġifieri dawk il-laqgħat li fihom jiltaqgħu il-mexxejja tal-pajjiżi membri.

“Hu ta’ dispjaċir li l-vot tal-Parlament Ewropew ma ġiex rispettat” qal l-MEP Petri Sarvamaa. “Li jkun injorat il-Parlament Ewropew ifisser li qed tkun injorata l-vuċi taċ-ċittadini Ewropej”, żied jgħid, filwaqt li fakkar li kien hemm 381 MEP li vvutaw kontra Leo Brincat fl-aħħar sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew.

Bil-vot fil-COREPER, li jiġbor ir-rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri, ikompli jikber iċ-ċans li n-nomina ta’ Leo Brincat tkun approvata fil-Kunsill Ewropew – jiġifieri l-laqgħa li matulha jiltaqgħu il-mexxejja tal-Istati Membri. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se ssir fid-29 ta’ Settembru.