Internazzjonali

Aktar minn 100 mejtin fil-kroll ta’ bini fit-Tajwan

L-iskwadri għall-emerġenza fit-Tajwan qalu li nstabu l-katavri ta’ aktar minn 100 persuna li mietu, ġimgħa ilu, fil-kroll ta’ blokk ta’ appartamenti fil-belt ta’ Tainan.

Il-kumpless ċeda wara li l-inħawi ntlaqtu minn terremot qawwi li rreġistra 6.4 fuq l-Iskala Richter. Sadanittant, it-tfittxija għan-nies li ilhom rappurtati nieqsa għal ġranet issa waslet fi tmiemha, bl-awtoritajiet jikkonfermaw li mietu b’kollox 116 il-persuna fid-diżastru. Fl-aħħar jiem kienu anki salvati mijiet ta’ nies mit-tifrik tal-bini.

Il-kuntrattur li tella l-blokk ta’ appartamenti u tnejn mill-assoċjati tiegħu jinsabu arrestati fuq akkużi ta’ negliġenza professjonali li rriżultat f’telf ta’ ħajja fuq skala kbira.

Dan għaliex il-kumpless kien l-uniku wieħed tat-tip high rise li ċeda kompletament b’konsegwenza tat-terremot bl-ispekulazzjoni ma tieqafx dwar il-kostruzzjoni tal-bini li kienet tlestiet fl-1994. F’dawn il-jiem, investigaturi sabu wkoll difetti fil-kostruzzjoni fost indikazzjonijiet li, snin ilu, setgħu twaqqgħu xi ħitan b’mod li affettwa l-istruttura sħiħa tal-kumpless.