Il-Mument illum żvelat kif mill-investigazzjonijiet li l-Pulizija għamlet dwar l-iskandlu ta’ ħruġ ta’ eluf ta’ Visas lil persuni Libjani matul din il-leġiżlatura – jiġifieri tul l-aħħar 30 xahar li għaddew – qed jirriżulta li t-total ta’ Visas maħruġa jammonta għal aktar minn 55,000.
Iċ-ċirku ta’ persuni mdawra ma’ dan l-iskandlu ta’ ħruġ ta’ Visas mingħajr ebda eżerċizzju serju ta’ due diligence, jinkludu fost oħrajn lil Joe Sammut li kien imexxi l-finanzi tal-Partit Laburista li kellu xibka ta’ kuntatti f’diversi istituzzjonijiet u entitajiet li kienu jiffaċilitaw dan il-proċess fosthom l-Aġenżija Identity Malta mwaqqfa minn din l-amministrazzjoni Laburista.
Minn investigazzjonijiet li għamlet Il-Mument jirriżulta li l-akbar għadd ta’ Visas lil persuni Libjani tramite l-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli, inħarġu fl-2013 meta kienu approvati rekord ta’ kważi 37,500 applikazzjoni. Fis-sena ta’ wara – fl-2014 – inħarġu mas-16,300 Visa lil persuni Libjani u matul din is-sena nħarġu aktar minn 1,600 Visa.
Fl-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija rriżulta mhux biss involviment ta’ skejjel li jgħallmu l-Ingliż u lukandi li fihom suppost alloġġjaw dawn il-Libjani, imma anki li biex Libjani setgħu japplikaw ħtiġilhom li ssirilhom stedina uffiċjali minn xi kumpanija stabbilita f’Malta. Għal dan ir-rigward il-Pulizija saħansitra stabbiliet l-użu falsifikat ta’ letterheads ta’ kumpaniji varji li ntużaw speċifikament biex inħarġu dawn l-istediniet.
Fl-isfond ta’ eluf ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lil persuni Libjani matul dawn is-sentejn u nofs mingħajr ebda eżerċizzju serju ta’ due diligence, irid jingħad li hi s-sitwazzjoni mwiegħra fil-Libja li qed twassal biex ħafna Libjani jħallu l-pajjiż biex isibu refuġju f’xi pajjiż ieħor, preferibbilment f’xi pajjiż ġar bħal Malta.
Dan wassal biex inħoloq ċirku bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ persuni f’pożizzjonijiet sensittivi biex il-ħruġ tal-Visa lil ċittadini Libjani seta’ jsir fi spazju ta’ ftit jiem biss u wara li l-istess applikanti jħallsu somom konsiderevoli ta’ eluf ta’ ewro. Kien hemm okkażjonijiet fejn Libjani ddepożitaw somom qawwija ta’ flus għand l-Accountant u Awditur Joe Sammut biex imbagħad flushom ikunu depożitati f’kontijiet siguri għalihom.
Mill-waqgħa tar-reġim ta’ Muammar Gaddafi fl-2011 u bil-qasma bejn il-Gvern immexxi ġewwa Tobruk u l-Gvern immexxi minn Tripli, is-sitwazzjoni fil-Libja baqgħet mill-aktar instabbli.
Il-Mument fl-istorja tal-ġurnalist Joe Mikallef qed tiżvela kif bħal fil-każ tal-Alġerini, anki fil-każ tal-Libjani bosta kienu jgħidu li ġejjin Malta biex jitgħallmu l-Ingliż. Madankollu f’bosta okkażjonijiet dan ma kienx minnu u Malta serviet ukoll bħala transitu lejn il-qalba tal-Ewropa. Iżda jirriżulta li ammont imdaqqas ta’ Libjani baqgħu f’Malta u għadhom jgħixu f’pajjiżna.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Pulizija interrogat lil numru ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’dan iċ-ċirku ta’ ħruġ ta’ Visas, fosthom ukoll persuni viċin dik li kienet l-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli.
L-investigazzjonijiet li qed isiru f’dan ir-rigward huma estiżi wkoll għall-operat tal-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli u għall-konnessjonijiet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Mhux eskluż li hemm sehem importanti ħafna ta’ terzi persuni b’konnessjonijiet kbar mal-Libja.
//= $special ?>