Lokali Parlament

Aktar minn kwart ta’ miljun f’safar mill-Uffiċċju tal-PM f’għaxar xhur

F’għaxar xhur bejn Ottubru tas-sena l-oħra u Lulju li għadda, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq €288,200 – aktar minn kwart ta’ miljun f’safar kemm mill-Prim Ministru f’laqgħat u żjarat barra l-pajjiż, u f’safar ieħor mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Il-Prim Ministru waħdu nefaq aktar minn €186,000 f’safar għal 27 żjara li għamel barra l-pajjiż.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Prim Ministru għal mistoqsijiet parlamentari li għamlet id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono.

Il-Prim Minsitru naqas fil-Parlament jgħid min kienu l-membri li akkumpanjawh fiż-żjarat, bir-risposta tkun li hu jkun akkumpanjat minn membri tal-Kabinett, membri tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern, minn uffiċjali tas-Segretarjat privat tiegħu, u minn uffiċjali oħra tal-gvern. F’okkażjoni waħda kien akkumpanjat mill-mara tiegħu wara li ntbagħtet lilha stedina uffiċjali minn naħa tal-organizzaturi barranin.

Jirriżulta wkoll li n-nefqa kull xahar f’safar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li tinkludi s-safar li jagħmel il-Prim Ministru, hi ta’ kważi €29,000. Għad hemm l-ispiża pendenti marbuta ma’ laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret f’Lulju li għadda li sa din il-ġimgħa kienet għadha qed tinħadem, minkejja li għaddew aktar minn tliet xhur.

Fit-tabbellla li kienet ippreżentata fil-Parlament fuq in-nefqa f’safar li sar f’għaxar xhur, il-Prim Ministru għadda 60 jum, jew parti minn, barrra l-pajjiż.

Bejn Ottubru 2014 u Lulju 2015, il-Prim Ministru attenda għal 11-il laqgħa tal-Kunsill Ewropew . Iż-żjarat kienu fi Brussell, f’Pariġi, Frankfurt, f’Berlin, f’Milan, f’Doha f’Londra, f’Ruma, fl-Iżvizzera, f’Riga, Ħonk Kong, f’Singapore, f’Ażerbajġan u f’Botswana.

L-akbar spiża f’safar mill-Prim Ministru kienet dik fi Frankfurt u f’Doha, bi spiża ta’ €17,782 għall-Forum Ekonomiku organizzat mill-Ambaxxata Maltija flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Frankfurt u l-Malta Enterprise, u d-Doha Business Forum. Spiża oħra kbira mill-Prim Ministru kienet f’Singapore, b’nefqa ta’ €16,000 għall-Konferenza Dinjija dwar iċ-Ċittadinanzna u Residenza.

L-akbar nefqa f’safar li saret mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet għal-laqgħa tal-Commonwealth tal-Minsitri dwar it-Trasformazzjoni tas-Servizz Pubbliku, li saret fil-Malasja, bi spiża li laħqet €28,857.