Internazzjonali

Aktar żmien biex jiffurmaw Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan

Il-kunsill presidenzjali Libjan, it-Tnejn talab għal ġimgħa oħra biex jifforma Gvern ta’ għaqda nazzjonali. Dan wara li ftit ġranet ilu l-Gvern Libjan bażat f’Tobruk, dak li għandu l-għarfien internazzjonali, ma qabilx mal-Kabinett li kien preżentat f’Jannar.
Biex jidħol fis-seħħ il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali, dan irid jikseb l-apporvazzjoni tal-Parlament ta’ Tobruk.
Il-kunsill, li hu l-isem li ngħata l-Gvern ta’ għaqda nazzjonali sakemm jieħu l-ġurament tal-ħatra, suppost kellu jissottometti l-Kabinett ġdid l-Erbgħa imma Fayez Al Sarraj (ritratt), li nħatar biex imexxih, talab ftit aktar żmien.
Fid-19 ta’ Jannar, Sarraj kien ħabbar Gvern b’kabinett ta’ 32 membru, imma fil-25 ta’ Jannar il-Parlament ta’ Tobruk qal li l-Kabinett kien kbir wisq u ta għaxart ijiem ċans biex ikun ippreżentat kabinett b’anqas membri.