Lokali

Alfred Mifsud għal Gvernatur tal-Bank Ċentrali

L-eks Chairman tal-media Laburista Alfred Mifsud mistenni jkun il-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali ta’ Malta mat-tmiem tat-terminu ta’ Josef Bonnici minn din il-kariga. Bħalissa, Mifsud hu d-Deputat Gvernatur tal-Bank Centrali ta’ Malta wara li ngħata din il-kariga mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Alfred Mifsud ilu nvolut fis-settur finanzjarju għal dawn l-aħħar 45 sena. Fost karigi oħrajn li ngħata matul is-snin, fi żmien il-Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998, hu kien inħatar bħala Chairman tal-Mid-Med Bank.

Bejn l-2000 u l-2014, hu kien ukoll Chairman u ko-fundatur tal-kumpanija Crystal Finance Investments. Għal xi żmien, kellu jaħdem miegħu wkoll lil Joseph Muscat, illum Prim Ministru u Mexxej Laburista.

Madankollu, fl-2014, din il-kumpanija spiċċat fuq fomm kulħadd għar-raġunijiet il-ħżiena wara li diversi klijenti tal-kumpanija kkummentaw li tilfu ammonti kbar ta’ flus li kienu nvestew fi Crystal Finance.

Minbarra r-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-Prim Ministru u Alfred Mifsud fi Crystal Finance, u minbarra li Mifsud kien iċ-Chairman tal-media Laburista, hu kien Kandidat Laburista għall-elezzjoni ġenerali tal-2003. Madankollu, hu ma kienx elett.

Il-ħatra ta’ Alfred Mifsud, li kienet żvelata fil-ħarġa tal-lum ta’ The Malta Independent, qed issir ukoll taħt id-dell tal-akkużi gravi li qed jiffaċċja Tarcisio Mifsud, ħu Alfred. Dan hekk kif Tarcisio hu wieħed minn dawk akkużati b’korruzzjoni u tixħim fix-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

Bħal ħuh Alfred, anke Tarcisio hu attivist kbir tal-Partit Laburista u qrib ħafna tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat. Tant hu hekk, li Muscat stieden lil Tarcisio biex jitkellem dwar iż-żejt u l-Enemalta fil-Kungress tal-Partit Laburista li kien sar f’Settembru 2012.

Qabel ma ismu ħareġ fil-beraħ li hu inkluż fil-każ ta’ korruzzjoni u tixħim fix-xiri taż-żejt, ħu Alfred Mifsud kien ukoll jiġi mistieden regolarment fuq il-media Laburista biex jikkritika lill-Gvern Nazzjonalista.
Għal dawn iċ-ċirkostanzi, Tarcisio Mifsud kien jiġi ppreżentat bħala espert taż-żejt u tal-Enemalta.

Sorsi li tkellmu ma’ The Malta Independent qalu li l-kariga l-ġdida ta’ Alfred Mifsud mistennija tiġi siġillata b’laqgħa bejn Mifsud u l-Prim Ministru, fl-10 ta’ Ġunju.