Ekonomija Lokali

Alfred Mifsud qed jiġi investigat mill-puliżija

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma ma’ Il-Mument, li qiegħed jistħarreġ l-allegat każ ta’ tixħim ta’ eluf ta’ liri lejn tmiem is-snin disgħin, li jinvolvi direttament lil Alfred Mifsud, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, u li mill-1 ta’ Lulju li ġej mistenni li jibda jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fuq għażla tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Kelliem uffiċjali għall-Kummissarju tal-Pulizija fi tweġiba xotta lil Il-Mument qal “il-Pulizija qiegħda tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar dan il-każ.”

Din hija t-tieni investigazzjoni separata li qiegħda ssir dwar dawn l-allegazzjonijiet hekk kif stħarriġ separat qiegħed isir mill-Ministeru tal-Finanzi.

Il-Prim Ministru ma jweġibx

Intant, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqa’ sieket u ma weġibx għall-mistoqsijiet mibgħuta minn il-mument lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Prim Ministru ma weġibx jekk il-Gvern għadux bil-pjan li jaħtar lil Alfred Mifsud bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jekk sarux xi laqgħat bejn il-Gvern u Alfred Mifsud ħalli l-Prim Ministru jingħata spjegazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ tixħim li qegħdin isiru u jekk saru dawn il-laqgħat, x’inhi l-pożizzjoni tal-Prim Ministru?

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nhar il-Ġimgħa li għadda appella lill-Gvern biex iwaqqaf minnufih in-nomina ta’ Alfred Mifsud bħala l-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali għaliex dawn ir-rapporti ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ Mifsud huma serji u gravi. Simon Busuttil fisser dawn l-allegazzjonijiet “xokkanti”.

Pakketti ta’ Lm50,000

L-allegat każ fil-konfront ta’ Alfred Mifsud jinvolvi negozjant, ċertu Ronnie Demajo, li kien jieħu flus kontanti d-dar ta’ Alfred Mifsud meta kien Chairman tal-Mid-Med Bank fi żmien il-Gvern Laburista. Alfred Mifsud kien Chairman tal-Mid-Med Bank bejn l-1996 u l-1998.

L-allegazzjoni hi li l-flus kontanti kienu jitpoġġew f’envelops kbar u jittieħdu d-dar ta’ Alfred Mifsud f’Ħal Balzan min-negozjant stess. Skont l-allegazzjonijiet, għand Mifsud ittieħdu tliet envelops, li kull wieħed minnhom kellu fih Lm50,000, li jammontaw għal total ta’ €350,000. In-negozjant kien ir-rappreżentant ta’ Malta għall-kumpanija Amerikana East Point, li kienet imqabbda biex tinstalla software ġdid, li jiswa l-miljuni, fis-sistema bankarja tal-Mid-Med Bank, li tiegħu Alfred Mifsud kien Chairman.

Ċaħda u libell iqanqlu aktar informazzjoni ġdida

Dawn l-allegazzjonijiet waslu biex nhar it-Tlieta li għadda, Alfred Mifsud ċaħad li hu qatt irċieva l-flus u qatt ma tħallas fi flus kontanti. Fl-istess ħin hu għamel libell lil Daphne Caruana Galizia, wara li fis-sit elettroniku tagħha kienu ppubblikati dawn l-allegazzjonijiet.

Iżda dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Alfred Mifsud waslu biex nhar il-Ġimgħa li għadda kien żvelat mill-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud tat dettalji lil Caruana Galizia dwar kif in-negozjant Ronnie Demajo mar id-dar tal-koppja għal mill-inqas tliet darbiet u “ta lil Alfred Lm50,000 f’cash kull darba.”

Ir-rabtiet mill-qrib ta’ Mifsud mal-PL u Muscat

Alfred Mifsud hu viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Mifsud kien jimpjega lil Muscat mal-kumpanija tiegħu li tispeċjalizza f’konsulenzi finanzjarji, qabel ma’ Joseph Muscat daħal fil-politika. Alfred Mifsud għamel żmien Chairman tal-midja Laburista, kien kandidat tal-Partit Laburista u sal-aħħar elezzjoni ġenerali immilita ħafna l-aktar minn wara l-kwinti, fil-ħidma tal-kampanja elettorali Laburista.