Lokali

Anġlu Farrugia jibqa’ ma jweġibx

Wara li l-Ministru Owen Bonnici qatt ma ċaħad li l-Ispeaker għamel pressjoni biex bintu tinħatar Maġistrat, issa l-Ispeaker Anġlu Farrugia jgħid li kien il-Ministeru ta’ Owen Bonnici li kellem lil bintu l-ewwel.

Dan joħroġ minn artiklu ppubblikat f’The Sunday Times of Malta.

Dawn l-iżviluppi huma dwar il-ħatra anti-kostituzzjonali ta’ Caroline Farrugia Frendo, bint l-Ispeaker Anġlu Farrugia u li għadha m’għalqitx seba snin fil-prattika t’avukat – xi ħaġa li tiskwalifikaha milli tkun Maġistrat.

The Times tirapporta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jgħid li hu m’eżerċita’ l-ebda pressjoni biex it-tifla tiegħu tinħatar Maġistrat. Iżda sal-lum, il-Ministru Owen Bonnici, li l-ħatriet anti-kostituzzjonali saru taħt ir-responsabbilta’ tiegħu, ma ċaħadx li l-Ispeaker għamel xi pressjoni.

The Times irrappurtat ukoll li Anġlu Farrugia rrifjuta li jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar iz-zewg hatriet. Qal biss li m’għandu l-ebda reazzjoni, u jekk irridu nkunu nafu aktar immorru nsaqsu lit-tifla tiegħu eżatt x’ġara u mhux lilu.

Il-ġimgħa li għaddiet il-media qalet li Farrugia Frendo inħatret Magistrat peress li missierha, Anglu Farrugia, ma ingħatax l-irwol fil-Qorti Ewropew tal-Awdituri. Rwol li minflok ingħata lil Toni Abela. Dwar dan, ma’ The Times, Anġlu Farrugia qal li hu mhux interessat f’dan ix-xogħol u li huwa kuntent bħala speaker tal-Parlament Malti.