Lokali

Anke l-Iżvezja u r-Renju Unit b’petrol orħos minn Malta

Il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-UE kollha, inkluż it-taxxi u d-dazji, komplew jorħsu u issa anke l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom petrol orħos minn dak mibjugħ f’Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt skont il-prezz li kellhom fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

It-tabella turi li hemm 22 pajjiż fl-UE li qed ibiegħu l-petrol bi prezz orħos milli f’Malta, bl-Estonja u l-Polonja jbiegħuh b’inqas minn €1 kull litru. Fil-Polonja, il-prezz tal-petrol raħas għal €0.90, jiġifieri €0.42 orħos milli f’Malta.

Fl-istess ħin, hemm 25 pajjiż membru tal-UE minn 28 li għandhom il-prezz tad-diesel orħos milli f’Malta. Fil-Polonja, id-diesel qed jinbiegħ b’€0.84, li jfisser €0.38 kull litru orħos milli f’Malta. B’kollox, hemm 14-il pajjiż fl-UE li d-diesel qed ibiegħuh bi prezz orħos minn €1 kull litru.

F’Malta l-petrol qed jinbiegħ b’€1.32 kull litru u d-diesel €1.22 kull litru.

Il-Malta Automobile Club qed jistenna lill-Parlament Ewropew jikkunsidra jekk jaċċettax petizzjoni mibgħuta mill-klabb dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’Malta għall-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-prodotti taż-żejt.

Il-klabb jistaqsi b’liema prezz Enemed Company Limited, li hi kumpanija tal-Gvern, qed tixtri l-petrol u d-diesel u jekk din hix tabbuża mill-pożizzjoni tagħha fis-suq. Jistaqsi wkoll hix kompetenti biex tixtri l-petrol bi prezzijiet iktar kompetittivi u jekk le, għaliex il-Gvern qed iħalliha tgawdi monopolju.

Fl-istess ħin, il-klabb qed jinsisti li l-importazzjoni, il-ħażna u l-bejgħ tal-petrol u d-diesel m’għandux ikun xogħol il-Gvern imma ta’ rappreżentanti ta’ kumpaniji barranin li diġà jaħdmu fil-qasam taż-żejt.