Lokali Saħħa

Anke l-MUMN tgħid li s-sitwazzjoni għall-membri tagħha mhix aċċettabbli

Wara li lbieraħ l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) irreġistrat tilwima industrijali mal-Gverm, issa sar magħruf li l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed issostni li ma tistax taċċetta aktar is-servizz prekarju mit-Taqsima tas-Salarji tal-Isptar.

F’ittra pubblika lill-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, l-MUMN qalet li l-membri tagħha li jaħdmu f’Mater Dei huma vittmi tas-servizz prekarju, li qed jingħata mit-Taqsima tas-Salarji. Dan hekk kif kull erba’ ġimgħat, sezzjoni tal-membri qed jilmentaw li ma tħallsux is-sahra, l-‘allowance’ tal-festi pubbliċi jew ħlasijiet oħra.

L-MUMN qalet li xi wħud mill-membri tagħha kienu anke mħallsin aktar milli suppost umbagħad kienu mitluba jirrifondaw lura l-ħlasijiet. Ilmenti oħrajn huma li l-infermiera jibgħatu emails u qatt ma jirċievu risposti, filwaqt li ma jirnexxilhomx ikellmu lill-Uffiċjali tat-Taqsima tas-Salarji.

Meta tqis dawn is-sitwazzjonijiet kollha u oħrajn li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tagħha, l-MUMN qalet li is-sitwazzjoni mhix aktar aċċettabbli.