Lokali

Appell biex il-pulizija tinvestiga l-każ bl-aktar mod wiesa

Fi stqarrija il-Gvern qal li qed jieħu b’serjetà kbira, l-inċident li seħħ ilbieraħ f’Ħal Farruġ.

F’April 2014 l-istess operatur kien iffaċċja passi fil-konfront tiegħu wara li nstab li l-istabbiliment tiegħu kien qed jopera bħala zoo illegali għall-pubbliku. Dan il-każ diġa jinsab il-qorti wara li kien is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali li pproċeda mal-pulizija.

Filwaqt li l-annimali kienu ttrasferiti minn żoni inadekwati għal gaġġeġ xierqa, l-istrutturi preżenti għadhom soġġetti għal multi ta’ kuljum.

Bejn Settembru 2014 u Jannar 2015, dan l-istabbiliment kummerċjali ffacċja wkoll notifiċi ta’ infurzar mill-MEPA kif ukoll azzjoni mill-pulizija biex l-operatur ma jkomplix jibni estensjoni li kien qed jippjana. Diversi illegalitajiet fil-fatt twaqqgħu jew tneħħew.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-annimali fis-sit in kwistjoni ilhom hemmhekk mill-inqas sitt snin u kien biss fl-aħħar xhur li ġie pprojbit li jdaħħal annimali ġodda.

Inħareġ avviż legali għal konsultazzjoni pubblika li tistipula li l-ebda annimal eżotiku ma jista’ jiġi impurtat mingħajr ma jkun hemm il-permessi neċessarji fuq l-istabbiliment mis-servizzi veterinarju u l-MEPA. Dan l-avviż legali huwa skedat li jitla’ għad-deċiżjoni tal-kabinett fil-jiem li ġejjin.

Il-Gvern jappella lill-pulizija biex tinvestiga l-każ bl-aktar mod wiesa’ u tieħu l-passi kollha neċessarji fil-konfront ta’ min huwa responsabbli.

Aqra aktar dwar l-istorja billi tagħfas hawnhekk.