Internazzjonali

Appell biex ir-Russja ‘ma tibbumbardjax’ ċivili fis-Sirja

Il-Prim Ministru ta’ Franza Manuel Valls sejjaħ biex ir-Russja ‘ma tkomplix tolqot ċivili’ permezz tal-attakki kontinwi mill-qawwiet tal-ajru tagħha fis-Sirja, li ilhom għaddejjin għal ġimgħat.

Manuel Valls tenna li kwalunkwe deċiżjoni biex iċ-ċivili Sirjani ma jibqgħux suġġetti għall-bumbardamenti għandha sservi bħala fattur importanti lejn il-paċi.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Russja, Dmitry Medvedev, qal li ma kien hemm l-ebda provi li l-qawwiet tar-Russja kienu qegħdin jolqtu liċ-ċivili fis-Sirja anki jekk pajjiżu ilu żmien jiffaċċja dawn l-akkużi.

Fl-aħħar tax-xahar li għadda, grupp ta’ osservaturi dwar id-drittijiet tal-bniedem kien qal li aktar minn elf ċivili tilfu ħajjithom b’kaġun tar-rejds tal-ajru fuq is-Sirja. Iżda r-Russja, li hi alleata tal-President Sirjan Bashar al-Assad, ilha tiċħad li l-ajruplani militari tagħha qegħdin jolqtu miri ċivili filwaqt li insistiet li qed tiġġieled kontra terroristi fis-Sirja.

Manuel Valls qal li l-Gvern tiegħu ‘jirrispetta l-interessi tar-Russja’ iżda tenna li ‘l-bumbardamenti taċ-ċivili fis-Sirja għandhom jieqfu ħalli tinstab mill-ġdid it-triq lejn il-paċi u d-djalogu’. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry ukoll qal li ‘qegħdin imutu ċ-ċivili (fis-Sirja) waqt l-attakki mill-ajru tar-Russja’.

Il-Prim Ministru Medvedev, aktar tard, qal li t-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent tefgħet lid-dinja ‘fi Gwerra Bierda ġdida’. Hu saħaq li ‘kważi ta’ kuljum, ir-Russja qed tkun imfissra bħala l-akbar għadu, sewwa fil-każ tan-NATO kif ukoll fir-rigward tal-Ewropa, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra’.

Il-kummenti saru waqt konferenza tas-sigurtà fi Munich, fil-Ġermanja, u wara li l-potenzi tad-dinja qablu dwar ftehim biex iwasslu għat-tmiem tal-ġlied fis-Sirja fi żmien ġimgħa. Il-ftehim hu intiż ukoll biex jiffaċilita l-aċċess tas-Sirjani għall-għajnuna umanitarja iżda l-impenn ma jinvolvix lill-Gvern tas-Sirja jew ir-ribelli li qed jiġġieldu biex iwaqqgħu lill-President Assad.

Skont il-pjan se jsiru sforzi lejn waqfien mill-ġlied eventwali u l-implimentazzjoni ta’ pjan għal tranżizzjoni politika fis-Sirja li għandha l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti. Intant, il-potenzi mistennija jkomplu bil-ġlieda kontra l-movimenti terroristi tal-ISIS u l-Front ta’ al-Nusra fis-Sirja.

Fl-istess ħin, gruppi ta’ ribelli fis-Sirja qalu li mhumiex se jieqfu jiġġieldu għaliex ma jemmnux li r-Russja għandha twaqqaf il-kampanja ta’ bumbardamenti attwali b’appoġġ għall-President Assad. Huma anki insistew biex Assad jitwarrab mill-poter wara li l-President Sirjan, nhar il-Ġimgħa, qal li jrid ‘jieħu lura kontroll tas-Sirja sħiħa’.