Ekonomija Lokali

Appell ieħor biex il-Gvern jikkonsulta dwar it-taxxa l-ġdida fuq it-turiżmu

Il-Gvern m’għandux jibqa’ jwebbes rasu u ma jikkonsultax mal-istakeholders fis-settur dwar it-taxxa l-ġdida fuq it-turiżmu. L-impatt li tista’ tħalli din it-taxxa, mingħajr ma ssir konsultazzjoni, jista’ jkun wieħed kbir.

Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ta r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-implimentazzjoni tat-taxxa ta’ 50ċ fuq kull turist għal kull lejl sa massimu ta’ €5 għal kull turist.

Antoine Borg qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra dan it-tip ta’ ħlas, ma jista’ qatt jaċċetta l-mod kif din it-taxxa se tkun qed tiġi implimentata mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-istakeholders.

Antoine Borg kompla li meta din it-taxxa ġiet imħabbra fil-Budget li ghadda, il-Partit Nazzjonalista kkonsulta mal-istakeholders kollha. Hu għalhekk li llum jista’ jispjega fid-dettall il-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll il-proposti dwar kif din għandha titħaddem.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea, li tkellmet dwar kif il-Gvern qed jibqa’ għaddej bħal gaffa minn fuq kulħadd.

Sostniet kif min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għaddej b’konsultazzjoni mal-istakeholders dwar proposti fl-ekonomija, fl-ambjent u anke dwar ‘good governance’.