Internazzjonali

Fi New York: “Ibni fortunat li għadu ħaj. Kien qed jilgħab Pokémon Go u jsuq”

Omm ta’ żagħżugħ ta’ 28 sena li kellu inċident serju waqt li kien qed jilgħab Pokémon Go appellat lil oħrajn biex iħarsu lejn it-tifrik tal-karozza li kien fiha binha u joqgħodu attenti.

F’messaġġ fuq Facebook li ġie xxerjat għal iżjed minn 8,000 darba, l-omm qalet li binha ta’ 28 sena jista’ jqis ruħu fortunat li ħareġ mit-tifrik bi ftit grif u ksur fl-għaksa f’dan l-inċident li seħħ f’Auburn, New York.

Il-Pulizija kkonfermaw dan l-inċident u qalu li ż-żagħżugħ jista’ jqis ruħu fortunat għaliex il-magna kienet se tinfed għal fuq ġewwa tal-karozza, b’konsegwenzi li setgħu kienu fatali.

1

Skont l-omm, binha kien qed isuq il-karozza ta’ ħuħ biex jilgħab din il-logħba meta fuq il-mobile deher wieħed mill-mostri ta’ Pokémon Go. Hu qabad il-mobile, u f’sekonda ta’ diżattenzjoni spiċċa jitlef il-kontroll u ħabat.

“Ibni qam fl-ambulanza. Jekk qabadx il-Pokémon ma jafx għax il-mobile jinsab x’imkien qalb il-biċċiet tal-plastik u l-metall tal-vettura,” qalet omm il-vittma.