Ambjent Lokali

Appelli biex tibqa’ tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ żvilupp f’Wied Għomor

Il-Front Ħarsien ODZ appella biex it-Tribunal tal-Ippjanar jikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u jiċħad l-applikazzjoni ta’ żvilupp ta’ Residenza għall-Anzjani f’Wied Għomor.

Fi stqarrija, il-Front qal li l-proġett tant mhux aċċettabbli li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota kontrih b’mod unanimu, bil-vot ikun riflessjoni tal-kunsens wiesgħa li m’għandux isir żvilupp f’wieħed mill-aħħar pulmuni li fadal fiż-żona.

Front Ħarsien ODZ kompla li skont ir-Reġistru tal-Artijiet, madwar 3,000 metru kwadru fis-sit ta’ Wied Għomor huma art pubblika. Għaldaqstant, il-Gvern hu obbligat jinforma lill-iżviluppaturi li qed joġġezzjona għal żvilupp fuq l-art tiegħu.

Sadanittant, il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi, ta’ San Ġwann u ta’ San Ġiljan sostnew li bħala r-rappreżentanti eletti tal-inħawi, għandhom id-dritt ikunu rappreżentati fl-appell. Fi stqarrija konġunta, il-Kunsilli qed jistaqsu dwar l-għaġla għal dan il-proġett, li jaffettwa lir-residenti.

Il-Kunsilli fakkru wkoll li Wied Għomor hu l-uniku wied naturali li baqa’ fl-inħawi u jekk il-proġett ikun approvat, dan se jwitti t-triq għall-iżvilupp fil-wied kollu, li jġib miegħu aktar konġestjoni u aktar traffiku.

Għaldaqstant, huma appellaw lill-Bord tal-Appell biex jibqa’ konsistenti mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar, kif ukoll max-xewqat tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku.