Approvata l-parti f’Bormla tal-proġett tal-Ġordaniżi

L-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni bil-proposta għal żvilupp tal-American University mill-Ġordaniżi f’ Dock 1, fix-xatt ta’ Bormla fejn ġie propost li jinbena bini biex jintuża bħala kampus. L-iżvilupp huwa biss parti minn żvilupp ieħor fiż-Żonqor fejn ammont sostanzjali ta’ art verġni ODZ ser tiġi sfruttata.

Parti mill-iżvilupp jinkludi wkoll dik li suppost kienet ser tintuża bħala għassa tal-Pulizija ġdida f’Bormla. Din l-għassa kienet waħda meħtieġa minħabba li hi għassa ewlenija għall-Pulizija tar-Raba distrett li jinkludi l-Kottonera, ix-Xgħajra, Ħaż Żabbar u Wied il-Għajn. Pero jidher li il-bżonnijiet tal-iżviluppaturi Ġordaniżi jiġu qabel dawk tal-Korp tal-Pulizija, u għaldaqstant, l-għassa għandha tibqa fil-post attwali.

Waqt din il-laqgħa r-rappreżenant tal-oppożizzjoni Ryan Callus ivvota kontra din il-proposta. Din il-gazzetta avviċinat lill-istess Ryan Callus u staqsitu jispjega l-vot tiegħu. Dan qal li l-vot tiegħu kien wieħed kontra, primarjament għaliex dan huwa proġett li jagħmel parti minn proġett akbar li ser isir fiż-Żonqor. Callus kompla billi qal li għalkemm il-periti ta’ dan il-proġett għamlu li setaw biex iżżommu l-arkitetura storika tad-dock, dan il-proġett huwa parti minn pjan kollettiv li fih jinkludi l-isfruttar ta’ raba fiż-żonqor li mingħajr dubju ma jaqbilx miegħu.

 

Ryan Callus

Din l-applikazzjoni kienet l-ewwel applikazzjoni fost oħrajn li għadhom iridu jiġu ssottomessi fejn il-perit li qed jieħu ħsieb dan il-proġett, qal li aktar bini max-xatt ta’ Bormla irid jittieħed biex isir parti mill-Kampus tal-Universita’ Amerikana f’Malta iffinanzjata mill-Ġordaniżi.