Lokali

ARA D-DOKUMENTI : Il-Mument tiżvela l-provi dwar l-abbuż fl-għoti tal-voti lill-barranin wara li xtraw il-passaport Malti

Rapport : Joe Mikallef – joe.mikallef@netmedia.com.mt

Il-mument matul din il-ġimgħa kompliet tinvestiga l-għoti tad-dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali lil għadd ta’ barranin bil-ksur tal-liġi minħabba li anqas biss jgħixu fi gżiritna, u stabbiliet li hawn aktar minn ħamsin persuna ta’ nazzjonalità Russa li jgawdu minn dan id-dritt.

Il-mument illum qiegħda tiżvela mhux biss il-firxa tal-persuni barranin b’nazzjonalitajiet differenti, iżda esklussivament qiegħda tippubblika wkoll dokument ta’ persuna partikolari li fih timmarka li hi ma tgħixx f’Malta jew f’Għawdex fil-perjodu ta’ sena u nofs qabel l-elezzjoni ġenerali.
F’dan id-dokument, maħruġ mill-Uffiċċju Elettorali, issir mistoqsija mill-aktar speċifika: “Did you reside here in Malta for a period of 180 days in the last 18 months before the closing date of the publication of the next Electoral Register?”

F’dan id-dokument partikulari li qed nippubblikaw, il-persuna barranija li mliet dan id-dokument timmarka bl-aktar mod ċar li le, hi ma tgħix f’Malta f’dan il-perijodu. Dan ifisser li allura din il-persuna ma tistax tingħata d-dritt li tivvota fl-elezzjoni ġenerali. Madankollu, u dan m’hux spjegabbli, din l-istess persuna tispiċċa biex tingħata d-dritt li tivvota fl-elezzjoni ġenerali.

Din is-sitwazzjoni ma hix biss ta’ tħassib kbir ħafna, iżda fuq kollox juri kemm fl-għoti tad-dritt biex wieħed jivvota fl-elezzjoni ġenerali ma sarx eżerċizzju kif suppost ta’ due diligence.

Fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew wara proċess koordinat l-ewwel mill-Aġenzija Identity Malta li twaqqfet minn dan il-Gvern f’din il-leġislatura u wara mill-Uffiċċju Elettorali, li nħarġu 52 dritt għall-vot fl-elezzjoni ġenerali lil persuni ta’ nazzjonalità Russa; lil tmienja Libaniżi; lil ħames Sirjani; lil erba’ persuni fil-Ġordan, f’St.Kitts u f’Nevis (jiġifieri tnax b’kollox); lil żewġ persuni Amerikani; lil żewġ persuni Russi/Iżraeliti; lil żewġ persuni Ċiniżi kif ukoll lil persuna mis-Sawdi Għarbja, mill-Ġappun, mill-Armenja u mill-Iżrael.

 

Ritratti hawn taħt : Fl-applikazzjoni, l-applikant jiddikjara li dejjem għex Malta minkejja li għandu nazzjonalità Russa u minkejja li fit-tieni paġna jiddikjara li ġie Malta għal 15-il jum biss. Jiddikjara li ma jissodisfax ir-rekwisit tas-6 xhur residenza fl-aħħar 18-il xahar u fl-istess nifs jikkontradixxi dak li jkun għadu kemm iddikjara billi jiffirma li għex Malta għal 6 xhur fl-aħħar 18-il xahar minkejja wkoll li qal li għamel 15-il jum f’Malta biss.

dokemunt vot 1new dokument voti 2

PROVA TAL-ABBUŻ MILL-AWTORITAJIET F’WIEĦED MILL-KAŻI LI QED TIŻVELA IL-MUMENT

L-applikant ta’ nazzjonalità Russa kiteb id-dettalji fl-applikazzjoni bil-Malti
F’din l-applikazzjoni l-applikant jiddikjara li dejjem kien residenti Malta (ara paġna 1 tad-dokument);
Minkejja li wieġeb li dejjem kien residenti Malta, mela’ dettalji f’Sezzjoni B li għandha timtela’ biss jekk il-persuna mhux dejjem kienet residenti Malta;
Iniżżel dettalji relatati mal-passaport barrani (ara paġna 1 tad-dokument, Sezzjoni B);
Ma jniżżilx informazzjoni dwar id-data meta rritorna Malta b’mod permanenti;
Ma jniżżel ebda informazzjoni dwar id-dati tal-wasliet tiegħu f’Malta (ara paġna 2 tad-dokument)
Ma jwieġebx jekk għamilx 6 xhur jgħix Malta fl-aħħar sena u nofs (ara paġna 2 tad-dokument) kif mitlub bil-Kostituzzjoni biex ikun eleġibbli għall-vot fl-elezzjonijiet ġenerali;
Jiffirma sabiex jivvota f’Malta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jikkonferma li d-dettalji li ngħataw huma kollha korretti.

Minkejja informazzjoni konfliġġenti u n-nuqqas tal-konferma li għex 6 xhur f’Malta fl-aħħar sena u nofs, xorta ngħata d-dritt tal-vot minkejja li l-Uffiċċjal fl-Uffiċċju Elettorali għamel kuntatt mal-applikant bil-miktub biex jiċċara n-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tiegħu u minkejja li qatt ma ngħatat tweġiba.

Iddikjaraw li ma jgħixux f’Malta iżda ngħataw id-dritt tal-vot

Minn aktar stħarriġ li għamlet il-mument jirriżulta li dawn ma jikkwalifikawx skont il-liġi Maltija biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali. Il-liġi Maltija tistipula li biex persuna tivvota fl-elezzjoni ġenerali trid tkun ilha tgħix Malta għal tal-inqas sitt xhur fil-perjodu ta’ 18-il xahar qabel id-data tal-jum tal-elezzjoni.

Jirriżulta li dawn il-barranin iddikjaraw li huma ma jgħixux f’Malta jew f’Għawdex u għalhekk mhux se jkunu qed jgħixu f’pajjiżna fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, għal minn tal-inqas sitt xhur.

Dan kollu jfisser li dawn il-barranin iddikjaraw li huma ma humiex eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali. Minkejja dan, iżda l-proċess tal-Aġenzija Identity Malta u l-Uffiċċju Elettorali wassal biex b’xi mod jew ieħor dawn il-barranin jispiċċaw biex jingħatalhom id-dritt tal-vot fl-elezzjoni ġenerali f’pajjiżna.

Il-kumpanija Nexia BT b’fommha magħluq
L-investigazzjonijiet li il-mument kompliet tagħmel matul din il-ġimgħa dwar l-għoti tad-dritt li persuna tivvota fl-elezzjoni ġenerali bil-ksur tal-liġi jkompli jikkonferma dak żvelat nhar il-Ħadd li għadda fl-istess gazzetta, meta fost l-oħrajn, intwera kif familja Russa ta’ tliet persuni kienet ingħatat id-dritt li tivvota fl-elezzjoni ġenerali f’Malta.

Din il-familja partikolari – magħmula mill-koppja Victor Iavovich Vashkevich u Irina Borisovna Vashkevich u binhom Yan Victorovich Vashkevich – ingħataw il-passaport Malti u ċ-ċittadinanza Maltija u eventalment anki d-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali. Żvelajna saħansitra li l-indirizz imsemmi fl-applikazzjoni tal-familja Vashkevich hu dak ta’: ‘Depiro Point’, Block B, Flat 14, Triq Depiro, Sliema.
Intant matul din il-ġimgħa l-kumpanija Nexia BT qrib ħafna tat-tmexxija għandha tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja ma ħarġet l-ebda stqarrija dwar dak żvelat minn il-mument, fosthom li kienet hi li kienet involuta fil-proċess tal-applikazzjoni għall-passaport Malti minn din il-familja.