Internazzjonali

Arrestat eks-Ministru tal-Finanzi Brażiljan fl-iskandlu tal-Petrobras

L-eks-Ministru Brażiljan għall-Finanzi, Antonio Palocci, spiċċa arrestat b’konnessjoni mal-investigazzjoni li ilha għaddejja x-xhur dwar il-korruzzjoni kbira assoċjata mal-kumpanija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.

Il-prosekuturi qed jgħidu li Palocci ippersista b’‘relazzjoni kriminali’ mal-uffiċjali ta’ kongolmerat fis-settur tal-kostruzzjoni. Sadanittant, l-avukati li qed jiddefendu lil Palocci insistew li l-eks-Ministru hu innoċenti u fissru l-arrest tiegħu bħala ‘spettaklu’.

Għexieren ta’ politiċi u eżekuttivi tal-Petrobras spiċċaw arrestati u kkundannati b’riżultat tal-investigazzjoni kontra l-korruzzjoni li ilha għaddejja sentejn.

L-investigazzjoni bil-laqam ‘Car Wash’ żvelat skema kbira ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata fil-kumpannija Petrobras u issa, il-prosekuturi Brażiljani qed jgħidu li Palocci, meta kien fil-Gvern, kien ħa l-miżuri biex jiffavorixxi l-interessi tal-kumpanija Odebrecht li hi waħda mill-akbar ismijiet fis-settur tal-bini.

Il-prosekuturi qalu li Palocci iffaċilita l-kuntratti mal-Petrobras filwaqt li għen lill-Odebracht Group biex jikseb kreditu mingħand bank tal-Istat, bi skambju ma’ donazzjonijiet lill-Partit Soċjalista fil-Gvern. Fil-fatt, qed ikun allegat li Palocci kompla jservi bħala medjatur f’każi ta’ tixħim anki wara li kien spiċċa minn Ministru.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Imħallef fil-Brażil iddeċieda li l-eks-President Soċjalista tal-Brażil, Luiz Inacio Lula da Silva, irid jgħaddi minn proċess tal-qorti dwar akkużi ta’ korruzzjoni relatati mal-iskandlu ‘Petrobras’.

Intant, Antonio Palocci kien serva bħala Ministru tal-Finanzi taħt Lula, kif ukoll bħala l-Kap tal-Istaff għall-eks-President tal-Brażil, Dilma Rousseff   ̶  is-suċċessur ta’ Lula li twarrbet mill-poter, ġimgħat ilu, wara li spiċċat suġġetta għal proċess ta’ impeachment.