Lokali Qorti

Arrestat mill-ġdid wara appell tal-AĠ kontra l-ħelsien mill-arrest

Iż-żagħżugħ Għawdxi ta’ 23 sena, akkużat b’importazzjoni ta’ 15-il kilogramma kokaina, kien arrestat mill-ġdid wara li l-Qorti laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali kontra l-ħelsien mill-arrest.

It-Tlieta li għadda, l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga u l-Law Enforcement Section tad-Dwana waqqfu vettura li kienet għadha kif waslet Malta mill-Italja fuq suspett li fiha seta’ kien hemm moħbija ammont sostanzjali ta’ droga.

Minn tiftix fil-vettura rriżultat 15-il kilogramma ta’ sustanza bajda, allegatament droga kokaina. Minbarra ż-żagħżugħ, il-Pulizija arrestat ukoll raġel ta’ 66 sena minn Ħal Qormi.

Meta tressaq quddiem il-Qorti il-Ġimgħa li għadda, iż-żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €50,000 u depożitu ta’ €20,000.

Madankollu, l-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti minħabba periklu li jkun hemm tbagħbis fil-provi u xkiel fil-każ.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali u ordnat l-arrest mill-ġdid.