Lokali

Arrestati 11-il persuna b’pussess ta’ kannabis waqt Isle of MTV

Waqt il-kunċert tal-Isle of MTV fuq il-Fossos, il-Pulizija arrestat 11-il persuna, kemm Maltin kif ukoll barannin dwar pussess ta’ pjanta suspettata li hi kannabis u raża tal-istess pjanta. L-etajiet ta’ dawk li nqabdu bil-pussess ivarjaw minn 17 sa 40.

Dan sar fid-dawl li l-artist Wiz Khalifa, li l-bieraħ kanta fl-istess kunċert, tella’ bosta ritratti fejn hu stess kiteb li kien qed jikkonsma l-kannabis. Filfatt, f’dawn l-aħħar jiem dan il-kantant Amerikan kien f’nofs kontroversja minħabba r-ritratti li tella’ fuq Snapchat.

F’aħbarijiet oħra relatati mal-iskwadra ta’ Kontra d-Droga, il-Pulizija għamlet sejba a’ aktar minn kilo sustanza suspettata raża tal-kannabis u madwar 100 gramma ta’ sustanza suspettata kannabis, flimkien ma’ arma tan-nar u madwar €20,000 fi flus kontanti ġewwa garaxx fl-Imsida.

Ma’ din is-sejba, se jitressaq il-Qorti raġel ta’ 30 sena akkużat bi traffikar u pussess aggravat tas-sustanza u pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenja, kif ukoll li sar riċediv.