Internazzjonali

Attakk fi klinika ta’ l-abort f’Colorado Springs

Klinika ta’ l-abort f’Colorado Springs tal-grupp kontroversjali Planned Parenthood fl-Istati Uniti sfat fil-mira ta’ attakk permezz ta’ sparatura. Attakk li ħalla tlieta mejta u disgħa feruti. Wieħed mill-mejta kien pulizija skond l-awtoritajiet f’Colorado Springs.

Il-pulizija għadha ma’ ħarġitx l-identita’ ta’ l-aggressur li issa jinstab fil-kustodja tagħha għalkemm l-media Amerikana identifikatu bħala Robert Lewis Dear ta’ 57 sena. L-indikazzjonijiet huma li f’dan l-attakk l-aggressur kien qiegħed jaġixxi waħdu.

Fl-Istati Uniti din mhijiex l-ewwel darba li klinika ta’ l-abort kienet fil-mira ta’ vjolenza hekk s’issa huma 8 il-ħaddiema tal-kliniċi ta’ l-abort li nqatlu sa mill-1977.

Il-grupp Planned Parenthood huwa wieħed mill-akbar gruppi fl-Istati Uniti li fost servizzi oħra joffri servizz ta’ abbort. Il-grupp huwa f’nofs kontroversja politika b’ħafna jakkużaw lil grupp bi prattiċi inetiċi; akkużi li l-grupp dejjem ċaħad. Il-grupp huwa wkoll fil-mira ta’ kontroversja politika b’bosta politiċi fl-Istati Uniti jitolbu sabiex il-grupp ma’ jibqgħax jirċievi fondi pubbliċi filwaqt li oħrajn, fosthom l-eks Segretarju tal-Istat Amerikan Hillary Clinton, jiddefendu l-ħidma tal-grupp inkluż dik dwar l-abbort.