Internazzjonali

Attakk fuq kamp tar-refuġjati fis-Sirja meqjus bħala reat tal-gwerra

Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li attakk mill-ajru li seħħ nhar il-Ħamis u li qatel almenu 28 persuna – inklużi nisa u tfal — ġo kamp tar-refuġjati fis-Sirja jista’ jitqies bħala reat tal-gwerra.

Stephen O’Brien, l-Uffiċjal tan-NU inkarigat mill-affarijiet umanitarji, sejjaħ għal investigazzjoni dwar l-attakk li laqat il-kamp ta’ Kamouna, fil-provinċja Sirjana ta’ Idlib, proprju meta l-militar tas-Sirja u r-ribelli li jopponu għall-President Sirjan Bashar al-Assad kienu qablu għal waqfien mill-ġlied temporanju fiz-zona ta’ Aleppo.

Ir-rapporti qalu li l-attakk fuq il-kamp, li ħalla wkoll għexieren ta’ midruba, twettaq minn ajruplani tal-gwerra Sirjani jew tar-Russja, iżda dan ma kienx ikkonfermat.

Filwaqt li kelliema militari Sirjani ċaħdu dwar sehem fl-attakk, O’Brien qal li s-suspett dwar l-istraġi fil-kamp waqa, inizjalment, fuq il-Gvern Sirjan, u li n-NU ‘trid taċċerta li l-aggressuri responsabbli mid-dmija ta’ nies innoċenti jħallsu għal dan ir-reat terribbli’.

Il-kelliem għall-White House tal-Istati Uniti, Josh Earnest, sostna li l-individwi li jinsabu fil-kamp partikolari spiċċaw fl-aktar sitwazzjoni ddisprata immaġinabbli u ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni li huma jisfaw mira ta’ azzjoni militari.

Il-kamp ta’ Kamouna għal refuġjati Sirjani jinsab qalb il-kampanja ( f’Idlib) xi 4 kilometri ‘il bogħod minn Sarmada u 10 kilometri ‘il bogħod mill-fruntiera tat-Turkija.

Fi żviluppi oħra, is-Syrian Observatory for Human Rights, li hu bbażat ir-Renju Unit, irrapporta ‘spinta ta’ ġlied ġdida’ f’kumbattimenti bejn qawwiet Sirjani u ġellieda Iżlamiċi, assoċjati mal-moviment al-Qaeda, qrib ta’ Aleppo. Mifhum li l-aħħar vjolenza rriżultat f’għexieren ta’ mejtin fuq iż-żewġ naħat.