Internazzjonali

Attakk fuq l-Ambaxxata Ċiniża fil-Kirġiżistan

L-Ambaxxata Ċiniża fil-kapitali Bishkek spiċċat mira ta’  aggressur suwiċida li uża karozza biex jifqa’ l-bibien tal-kumpless. Il-karozza splodiet ftit wara li daħlet fl-artijiet tal-ambaxxata, bis-sewwieq jitlef ħajtu u b’tal-anqas tliet persuni  impjegati mal-ambaxxata u lkoll ċittadini tal-Kirġiżistan  jisfaw midruba.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina kkundanna dan l-attakk bħala l-ħidma ta’ elementi estremisti. Fl-istess ħin, ħadd ma assuma responsabbiltà għall-isplużjoni suwiċida li seħħet fiċ-ċentru tal-kumpless u viċin ir-residenza tal-Ambaxxatur.

Iċ-Ċina, sadanittant, insistiet li l-awtoritajiet fil-Kirġiżistan jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jaċċertaw is-sigurtà taċ-Ċiniżi u l-istituzzjonijiet tagħhom f’din l-eksrepubblika Sovjetika, li tinsab fl-Asja Ċentrali.

Eżatt wara l-attakk f’Bishkek, kienu evakwati numru ta’ staff mill-Ambaxxata Ċiniża kif ukoll mill-Ambaxxata tal-Istati Uniti li tinsab fl-istess zona.

Fil-preżent, uffiċjali tas-sigurtà lokali qed jindagaw iċ-ċirkustanzi madwar l-isplużjoni suwiċida, meta l-Kirġiżistan, għada, ifakkar Jum l-Indipendenza.